Juventus avvanzaw għas-semi finali b’rebħa meritata kontra Frosinone fl-Allianz Stadium bl-iskor finali jkun 4-0, bl-attakkant Pollakk Milik ikun protagonist fir-rebħa b’ hat-trick.
Juventus se jaffrontaw lil Lazio fil-fażi li jmiss, wara li rebħu l-konfront kontra Roma fid-Derby della Capitale bl-iskor ta’ 1-0.
Il-Bianconeri fetħu l-iskor wara biss 11-il minuta logħob minn penalty mogħti minn Arkadiusz Milik, bil-Pollakk jegħleb lill-goalkeeper b’xutt baxx fir-rokna t’isfel tax-xellug. Il-penalty wasal minn foul mirbuħ minn Miretti.
Juventus irduppjaw l-iskor fit-38 minuta permezz ta’ konklużjoni oħra ta’ Arkadiusz Milik, li rċieva l-ballun mill-kross tajjeb ta’ Mckennie u xeħet fix-xibka bla diffikultà.
It-tielet gowl personali ta’ Milik wasal ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima, meta minn suġġeriment sempliċi ta’ Locatelli, l-attakkant prolifiku tefa’ ġewwa b’mod faċli.
Milik kien miċħud minn gowl ieħor fis-56 minuta wara li sab ix-xibka għal darb’oħra, madanakollu wara konsultazzjoni tal-VAR il-gowl tħassar hekk kif l-attakkant kien f’pożizzjoni rregolari.
Juventus skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom wara siegħa logħob permezz ta’ konklużjoni akrobatika mill-istilla żagħżugħa Kenan Yildiz.
Kwarti Finali
It-Tlieta
Fiorentina v Bologna 0-0(5-4)
L-Erbgħa
Lazio v Roma 1-0
Milan v Atalanta 1-2
Ilbieraħ
Juventus v Frosinone 4-0