Lokali

Deputati jaqblu li tiġi lura Rosianne mal-Labour imma ma sabu ebda oġġezzjoni li tkeċċa mill-Kabinett Aaron Farrugia

9 xhur wara li ma baqgħetx tifforma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista, hemm il-possibilità li lil Rosianne Cutajar narawha lura mal-Labour.

U dwar dan Net News staqsa lil uħud mill-Ministri Laburisti, fosthom Clifton Grima – illi stqarr li jaqbel ma’ dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela mat-Times.

Hekk ukoll il-Ministru Roderick Galdes…fejn insista għal darba darbtejn li jaqbel ma’ dak li qal il-Prim Ministru ċioè li Cutajar ħalset ta’ għemila – minkejja li l-flus minn fuq dahar il-poplu għadha ma rritornathomx u għadna ma nafux min kienu sħabha li kienu qed jitħanżru.

Intant, b’mod mill-aktar surreali, fl-istess ġimgħa li qed jagħmel u-turn dwar Cutajar…. Robert Abela stqarr li umilja u keċċa lil Aaron Farrugia mill-Kabinett tal-Ministri tiegħu…fl-interess nazzjonali.

Staqsejnihom ukoll dwar din it-tkeccija ta’ Aaron Farrugia, b’Galdes jfarfarha fuq il-Prim Ministru u Grima jfaħħar lill-eks Ministru.

Il-fatt jibqa’ li għall-interess nazzjonali Abela warrab lill-Aaron Farrugia imma ħalla miegħu fost l-oħrajn lill-Ministru Anton Refalo waqt li allegatament għadu qed iżomm ġebla ta’ żmien l-Ingliżi ta wirt nazzjonali fil-bitħa tieghu; qed iżomm ukoll lill-Ministru Byron Camilleri wara li spiċċa involut fi kriżi wara l-oħra…kif ukoll lill-Ministru Ian Borg minkejja r-racket tal-liċenzji tas-sewqan li faqqa’ fi żmienu.

U waqt li għaddej dan kollu, jrid idaħħal lura miegħu lil Rosianne Cutajar – l-istess Cutajar li riedet titħanżer bħalma qed jagħmlu sħabha.