Edukazzjoni Lokali

Ebda żblokk fin-negozjati bejn il-Gvern tal-Labour u l-MUT

“Għaddejjin bid-diskors”

Hekk sostna l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima meta Net News staqsih fhiex waslu t-taħdidiet dwar il-ftehim kollettiv mal-Union tal-Għalliema b’rabta mal-kundizzjonijiet tal-edukaturi fl-iskejjel tal-istat u tal-Knisja – Ftehim kollettiv li l-Gvern ta’ Abela ilu biex isib soluzzjoni għalih issa aktar minn sena.

Dan ifisser li fil-prattika u b’mod tanġibbli, għalissa ma nbidel assolutament xejn minn xahrejn ilu ‘l hawn…waqt li l-MUT kienet għaddejja bid-direttivi. Bil-Ministru lura f’Novembru kien stqarr li n-negozjati għadhom għaddejjin…..u l-Ħamis filgħodu qalilna l-istess ħaġa – tant li baqa’ jfarfarha fuq il-union.

Fl-aħħar jiem fil-Parlament, Grima nnifsu żvela li fl-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena akkademika diġa’ irriżenjaw 13-il għalliem; ekwivalenti għal medja ogħla minn edukatur f’ġimgħa.

Ironikament huwa sostna li għandu bżonn jiġi indirizzat l-benesseri tal-għalliema; proprju wieħed mill-punti kardinali li l-MUT qed jinsistu fuqu fid-diskussjonijiet tal-ftehim kollettiv.

Intant, ftehim kollettiv ieħor li l-Ministru Grima għadu ma sabx kaptu tiegħu….sentejn wara…. huwa dak mal-UĦM – Voice of the Workers dwar l-impjegati tal-Università ta’ Malta; bil-Ministru jgħid li n-negozjati għadhom se jibdew.

Dan ifisser li l-Ministru għadu ma sab ebda żblokk sabiex itejjeb ħajjet l-għalliema fl-iskejjel u l-ħaddiema fi ħdan l-Università…għad-detriment aħħari tal-istudenti Maltin u Għawdxin.