“Robert Abela ma kienx onest ma’ Aaron Farrugia”.
“Min qiegħed isaħħan is-siġġu u jitmejjel bin-nies, ħallih Ministru”
Dawn kienu biss ftit mill-baraxx ta’ kummenti mill-partitarji Laburisti li b’mod apert sostnew li Farrugia ma kienx ħaqqu jkun trattat b’dan il-mod mill-Prim Ministru; b’uħud jgħidu li umiljah, meta ma ħaddieħor qas kellu saħħa jieħu azzjoni. Oħrajn insistew illi jridu jkunu jafu r-raġuni vera għaliex tkeċċa mill-Kabinett.
Fuq Facebook, xi ħadd kiteb b’mod ċar illi assulutament ma qabilx mal-mossa ta’ Robert Abela. Oħrajn qalu li n-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor, spiċċa ġarrhom Aaron Farrugia.
“Ma kien ħaqqek hekk”, kitbet waħda mill-kanvasers tiegħu.
Fl-istess waqt, fuq Facebook spikkaw il-partitarji ta’ Ian Borg illi ħarġu jattakkaw lil Aaron Farrugia – b’wieħed partikolari jiktiblu “iddeludejt”.





