Internazzjonali

In-NU: Iżrael taħt akkuża ta’ ġenoċidju…waqt li qed jinsisti dwar ‘id-dritt assolut’ li jiddefendi lilu nnifsu kontra t-terrur

Il-Qorti Internazzjonali għall-Ġustizzja tan-Nazzjonijiet Uniti bħalissa qed tisma’ il-każ dwar ġenoċidju li l-Afrika t’Isfel ressqet fil-konfront ta’ Iżrael.

Il-każ qed jitratta allegata kampanja mill-Iżraeljani biex jeqirdu darba għal dejjem il-preżenza tal-Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza – bl-Afrika t’Isfel qed titlob direttiva mingħand il-Qorti biex l-Iżraeljani ma jkomplux bl-azzjonijiet militari f’Gaza li ilhom għaddejjin mis-7 ta’  Ottubru.

Madankollu, il-Qorti tan-NU tista’ biss tagħti opinjoni dwar l-allegazzjoni ta’ ġenoċidju, peress li l-każ ma jinvolvix proċess kriminali.

Min-naħa tiegħu, Iżrael qed jiċħad għall-akkuża ta’ ġenoċidju bħala waħda ‘qarrieqa u mingħajr bażi’.

Fl-aħħar sigħat ukoll kien hemm tensjoni kbira barra l-Palazz tal-Qorti Internazzjonali f’The Hague, l-Olanda.

Dan waqt li l-pulizija Olandiżi pruvaw jisseparaw lill-gruppi tas-sostenituri ta’ Iżrael minn mas-sostenituri Palestinjani fl-inħawi.

Mijiet ta’ nies armati bil-bnadar tal-Palestinjani nġabru barra l-Qorti fost l-għajjat għal waqfien mill-ġlied f’Gaza. Fl-istess inħawi nzertaw ukoll ħafna Iżraeljani li tellgħu screen bir-riratti tal-ostaġġi li għadhom qed jinżammu mit-terroristi tal-grupp Ħamas f’Gaza.

Saru wkoll id-dimostrazzjoniijet favur il-Palestinjani fil-belt ta’ Cape Town, fl-Afrika t’Isfel.

Intant – u waqt li l-Afrika t’Isfel preżentat il-każ tagħha fl-aħħar sigħat – Iżrael, għada, għandu jiddettalja d-difiża tiegħu quddiem il-Qorti

L-Afrika t’Isfel, permezz tar-rikors, qalet li l-azzjonijiet ta’ Iżrael huma intiżi biex, almenu, jeqirdu parti sostanzjali tal-poplu Palestinjan. L-akkuża kompliet, intant, li l-azzjonijiet qed iħallu r-riperkussjonijiet kbar fuq livell nazzjonali u etniku.

L-Afrika t’Isfel irreferiet anki għall-qtil tal-Palestinjani ‘minn jum għal jum’ waqt li sejħet biex il-Qorti timplimenta l-‘miżuri proviżorji’ b’urġenza – fost l-enfasi biex Iżrael iwaqqaf l-azzjonijiet militari kollha fil-Medda ta’ Gaza.

Iżrael, iżda, qed jiddefendi l-kampanja militari f’Gaza fost l-insistenza li qed jirreaġġixxi għall-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas, li massakraw madwar 1,200 persuna – fil-parti kbira nett ċivili – qalb il-komunitajiet ta’ Iżrael.

Fl-istess ħin, Ronald Lamola, il-Ministru tal-Ġustizzja tal-Afrika t’Isfel, qal li l-ebda attakk ‘ma jipprovdi ġustifikazzjoni għall-abbużi tal-Konvenzjoni kontra l-Ġenoċidju’.