Lokali

Investiment ta’ miljun ewro fl-Isptar St James

Tlesta proġett li sewa kważi miljun ewro fl-Isptar St. James ta’ Tas-Sliema wara li fuq sena komplew jiżdiedu l-pazjenti f’dan l-isptar.

Fil-fatt, bejn l-2022 u l-2023 dan l-isptar esperjenza nuqqas ta’ sodod tant li t-tmexxija ħasset il-bżonn li jitranġa t-tieni sular tal-Isptar Capua li għal dawn l-aħħar snin ma kienx qed jintuża’. 

Issa, dan l-Isptar se jkun qed jospita mat-18-il sodda fi kmamar individwali illi inbidlu f’day ward.

Għat-tnedija tal-proġett kien hemm preżenti l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ din is-sala, intqal li se jiżdiedu l-operazzjonijiet u l-ammont ta’ pazjenti li ma jkollhomx bżonn iqattgħu l-lejl l-Isptar. Dan se jippermetti li sulari oħra fl-Isptar jiffukaw iktar fuq kundizzjonijiet iktar kumplessi.

Għal din l-okkażjoni tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar, Jean Claude Muscat, illi qal li dan l-investiment se jkun qed itejjeb il-faċilitajiet u s-servizz għall-pazjenti.