Lokali

Is-sena 2023 kienet sena pożittiva għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Is-sena 2023 rat il-fuq minn 7.8 miljun passiġier  jgħaddu mill-MIA – żieda ta’ 6.7% fuq is-sena 2019, bl-ogħla persentaġġ ta’ postijiet okkupati li qatt intlaħaq mill-ajruport ta’ 91.4% jiġi rreġistrat f’Awwissu.

Dan ħareġ mir-riżultati li pubblika l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bil-Kap Eżekkutiv Alan Borg jispjega li f’perjodu ta’ 10 snin it-traffiku ta’ passiġieri prattikament irdoppja hekk kif meta tqabbel is-sena 2013 mas-sena 2023, ir-riżulati juri li kien hemm żieda ta’ madwar 94% fil-passiġieri.

L-aqwa suq baqa’ dak Taljan hekk kif ikkumparat mas-sena 2019 kien hemm żieda  ta’ madwar 32% – fit-tieni post kien hemm, kif mistenni, ir-Renju Unit  … pero xorta bi tnaqqis ta’ madwar 18%. It-tielet l-akbar ammont ta’ passiġieri kienu mill-Ġermanja; pero  dan il-pajjiż xorta irrekordja  nuqqas ta’ 23% waqt li fir-reba’ post kien hemm Franza u l-Polonja b’żieda ta 43% u 61% .

Minn naħa l-oħra l-aktar destinazzjoni frekwentata kienet Londra b’żieda ta’ 6%, segwita minn Katanja b’żieda ta 16%. It-tielet destinazzjoni l-iktar frekwentata kienet Munich waqt li fir-reba’ post kien hemm Ruma segwita minn Frankfurt …illi minkejja li kienu fost l-iktar ħames destinazzjonijiet favoriti, Ruma u Frankfurt raw tnaqqis ta’ 34% u 28% rispettivament.

Ta’ min wieħed jingħota li l-iktar linja tal-ajru li kellha passiġieri, kienet ir-Ryan Air b’żieda ta’ 27% fuq is-sena 2019, waqt li minn naħa l-oħra l-linja Nazzjonali ta’ Pajjżna rat tnaqqis ta’ 5%.

Is-sena 2023 kienet l-aħħar sena li fiha operat l-Air Malta. U issa, il-linja K.M. Malta Airlines fis-sena 2024 ser tkun qed toffri 17-il rotta differenti.

Il-kumpanija Ryan Air se tkun qed tagħmel ‘il fuq minn 60 rotta differenti, waqt li l-kumpaniji Easy Jet u Wizz Air ser ikun qed joffru 7 rottot.

Intant din is-sena il-proġett tal-MIA tat-tieni runway tlesta b’suċċess, waqt li l-proġett tat-tkabbir tat-terminal mistenni jkun lest lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

MIA Shoot 2021MIA Shoot 2021

Dwar is-sena 2024, Alan Borg qal li din ser tkun sena b’ħafna sfidi, fosthom dawk ġeo-politiċi.

L-MIA ser ikun qed jaffaċja wkoll l-isfida enormi taż-żieda fil-prezzijiet  tal-fuel, għalkemm it-tragward jibqa’ li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jilħaq it-8 miljun passiġier.