Sport Waterpolo

Kampjonat Ewropew: Tisfaxxa l-mira tat-13-il post… Malta kostretta tilgħab il-logħba li ma riditx

Stewart Said

SLOVENJA………. 10

MALTA……………… 8

(2-2), (4-3), (2-1), (2-2)

Diżappunt. Il-mira ewlenija kienet li t-tim nazzjonali Malti jtejjeb l-14-il post miksub fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew. Din it-telfa kontra s-Slovenja tfisser li Malta issa se tilgħab il-logħba għal min se jispiċċa fil-15 u s-16-il post kontra l-Iżrael, bit-tama li jiġi ripetut r-riżultat tal-Ħadd li għadda kontra l-istess nazzjon.

Għal din il-logħba, il-kowċ tat-tim nazzjonali Milan Cirovic kellu jerġa’ jgħaddi mingħajr is-sospiż Mark Castillo filwaqt li Sam Gialanze baqa’ ma jiflaħx. Liam Galea kien fl-iskwadra u għalkemm lagħab, ċertament li ma kienx fl-aħjar kundizzjoni possibbli.

Fil-ġurnata, is-Sloveni kien jimmeritahom ir-rebħa. F’mumenti waqt l-ewwel parti tal-logħba, it-tim Malti deher li kellu ftit il-kontroll iżda n-numru ta’ okkażjonijiet mitlufa u żbalji fid-difiża għamlu l-logħba għat-telgħa.

Fuq kollox, inħass in-nuqqas ta’ plejers ta’ esperjenza li jmexxu lit-tim f’mument ta’ diffikultà. Qalb tim mimli żgħażagħ, kompla jikkonferma t-tournament pożittiv tiegħu Jayden Cutajar.

It-tim Malti kellu jwieġeb darbtejn wara l-gowls tal-avversarji. Jayden Cutajar skorja minn man-up immedjatament wara li Aleksandar Cerar kien fetaħ l-iskor u Liam Galea għamilhom 2-2 mis-centre lejn tmiem is-sessjoni biex wieġeb għall-gowl ta’ Aljaz Troppan.

Il-plejers Maltin ħadu vantaġġ ta’ 4-2 kmieni fit-tieni sessjoni madankollu s-Sloveni baqgħu fil-logħba u rkupraw l-iżvantaġġ sa żewġ minuti wara. Jake Cachia ħalla lit-tim Malti fil-vantaġġ sakemm Troppan skorja doppjetta fl-aħħar minuta u nofs u daħħal lit-tim tiegħu jistrieħ 6-5 minn fuq.

It-tielet sessjoni kienet karatterizzata minn serje ta’ nuqqas ta’ preċiżjoni fl-attakk. Is-Slovenja ħadet l-opportunità u permezz ta’ Vukasin Stefanovic u Miha Santak, l-iskor sar 8-5. Fost l-okkażjonijiet mitlufa, jispikka ċ-ċans ta’ Jake Cachia wiċċ imb wiċċ mal-gowlkiper ma’ Jure Beton. Il-penalty skorjat minn Jayden Cutajar fi tmiem it-tielet sessjoni seta’ jagħti t-tama ta’ rimonta għall-aħħar sessjoni.

Fil-bidu tal-aħħar sessjoni, kien mistenni gowl li jdaħħal lit-tim Malti sew fil-logħba, liema gowl ma wasalx. F’nofs is-sessjoni, Vukasin Stefanovic għamilhom 9-6, bil-gowl ta’ Jasa Kadivec tliet minuti mit-tmiem jagħlaq il-logħba. It-tim Malti baqa’ jilgħab sal-aħħar iżda seta’ biss inaqqas id-distakk għal żewġ gowls.

Slovenja: J. Beton, B. Popovic, J. Kadivec (2), M. Canc, J. Lah, V. Stefanovic (2), M. Santak (1), A. Paunovic, J. Seljak, J. Justin, A. Troppan (4), A. Cerar (1), G. Zurbi

Malta: J. Tanti, N. Bugelli, L. Galea (1), G. Farrugia, J. Cachia (2), J. Bonavia, J. Muscat (1), J. Cutajar (4), J. Abela, N. Zammit, D. Zammit, M. Azzopardi, B. Busuttil

Referees: Hendrik Schopp (Olanda), Sinisa Matijasevic (Montenegro)