Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ikkonfermat sentenza ta’ sitt snin ħabs fil-konfront ta’ Tyson Grech ta’ 28 sena mill-Isla wara li f’Settembru tal-2021 instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li stupra tfajla li kien ħareġ magħha għall-ewwel darba.
Grech huwa mplikat f’każ ieħor fejn flimkien ma’ ħamest irġiel oħra jinsab mixli bil-ħtif ta’ Carlos Schembri. Fi Frar ta’ sentejn ilu huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq dan il-każ, iżda issa wara l-konferma tal-appell fuq stupru, huwa ntbagħat jservi s-sentenza tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Iż-żagħżugħ għandu negozju ta’ kiri ta’ karozzi flimkien ma’ Christian Borg sieħeb il-Prim Ministru Robert Abela għadu għaddej proċeduri mixli li ħataf raġel fir-Rabat, li żammu kontra r-rieda tiegħu u li heddu. Chris Grech, ukoll jinsab mixli bil-ħtif ta’ l-istess persuna.
Dwar il-każ ta’ sturpru l-Imħallef Camilleri kkonferma sentenza tal-Maġistrat Rachel Montebello li fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Awwissu tal-2021 stupra lit-tfajla li dak iż-ħmien kellha 19-il sena. Mill-provi li kien tressqu rriżulta li huma kien ilhom jumejn jibagħtu messaġġi lil xulxin fuq il-mezzi soċjali.
Wara kienu spiċċaw id-dar ta’ Grech wara li ħarġu jieklu flimkien. L-għada t-tfajla qamet muġugħa fuq insistenza ta’ ommha marret għall-kura l-isptar. Fix-xhieda tagħha, it-tfajla qalet li Grech sforzaha tixrob ammont ta’ nbid u ma tifkatar xejn aktar wara li ħarġu mir-restorant ħlief li sabet ruħha f’post mhux familjari u liebsa biss il-ħwejjeġ ta’ taħt.
It-tfajla qalet li għalkemm ippruvat tirreżisti lil Grech u qaltlu li ma ridietx ikollha x’taqsam miegħu huwa żammha kontra r-rieda tagħha u kellu x’jaqsam magħha bil-forza.
Grech li ma xhedx fil-kawża insista li fit-tliet darbiet li kellu x’jaqsam mat-tfajla kellu l-kunsens tagħha. Il-Qrati emmdu l-verżjoni tat-tfajla bil-Qorti tal-Maġistrati tgħid li x-xhieda tagħha bħala waħda ġenwina fejn dejjem kienet konsistenti u stqarret bla tlaqliq u b’mod dettaljat dak kollu li seħħ meta kienet għadha f’sensiha.
Fl-istess waqt qalet li Grech kien vag u inkonsistenti fit-tweġibiet tiegħu għad-domandi li sarulu fosthom dwar kemm xorbot inbid it-tfajla u dwar il-preżenza t’ommu fid-dar.
Il-Qorti qalet li hin konvinta li t-tfajla rrifjutat li jkollha x’taqsam miegħu u meta ppruvat timbuttah żammha bil-forza. Minkejja li ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza fuqha, mix-xhieda tat-tabib irriżulta li kellha tbenġila friska fuq il-warrani fejn it-tfajla qalet li din seħħet meta ppruvat taħrab.
Irriżulta li l-ġerħa kienet kompatibbli mal-mod kif it-tfajla qalet li żammha l-ġuvni waqt li kien qed jistupraha.
Għaldaqstant ġew ikkonfermat sitt snin ħabs u €2,200 multa fil-konfront tiegħu kif ukoll ordnat il-konfiska tat-€800 depożitu u €2,000 garanzija personali li permezz tagħhom kien inħeles fuq kawża oħra waqt li ordnat l-arrest tiegħu għax kiser il-pleġġ.
Il-Maġistrat Montebello kienet ordnat ukoll lil Grech biex iħallas €2,482 fi spejjeż tal-qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman li investiga l-każ filwaqt li l-Avukat Jason Grima deher għal Grech.
//= $special ?>