Internazzjonali

L-Iżvezja: Kritikati stqarrijiet ta’ gwerra li allarmaw lill-poplu

L-eks Prim Ministru tal-Iżvezja, Magdalena Andersson, qed tirrifjuta li pajjiżha jista’ qed jiffaċċja gwerra imminenti anki jekk ammettiet li is-sitwazzjoni tas-sigurtà (fil-pajjiż) qed tidher serja.

Hi kummentat b’dan il-mod wara li żewġ uffiċjali ewlenin tad-difiża wissew lill-poplu biex ‘ilesti għall-gwerra’ …Stqarrija li qanqlet mhux ftit tal-inkwiet fost akkużi li l-uffiċjali qed jippruvaw jallarmaw lin-nies bla bżonn.

It-tensjoni fl-Iżvezja rrankat wara li l-Ministru Żvediż għad-Difiża Ċivili, Carl-Oskar Bohlin, qal, waqt konferenza, li “jista’ ikun hemm gwerra fl-Iżvezja”. Min-naħa tiegħu, il-Ġeneral Micael Byden, bħala Kap-Kmandant tal-militar Żvediż, ukoll  qal li l-Iżvediżi għandhom jippereparaw ruħhom mentalment għal din il-possibbiltà.

Madankollu, il-politiċi tal-Oppożizzjoni oġġezzjonaw bis-sħiħ dwar ‘il-mod kif ingħataw it-twissijiet’  meta l-Iżvezja tinsab ftit passi ‘il bogħod minn sħubija fl-Alleanza tan-NATO.