Futbol Sport

”Meta tirċievi aħbar bħal din tibda tapprezza aktar il-ħajja” – Sven-Goran Erikkson jiżvela li jinsab marid b’kanċer terminali

(Ritratt: EPA)

L-eks kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż u ta’ Lazio fost oħrajn, Sven-Goran Erikkson żvela hu stess li għandu kanċer teminali u fi kliemu stess jista’ jkun li fadallu l-aktar sena ħajja, iżda qal ukoll li se jkun qed jirreżisti u jiġġieled kemm jista’.

L-Iżvediż, li għandu 75 sena kien l-ewwel kowċ barrani appuntat mill-Federazzjoni Ingliża fejn wasal lit-Three Lions sal-kwarti finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2002 u l-2006 kif ukoll tal-Kampjonati Ewropej tal-2004.

Erikkson, li kellu karriera ta’ 42 sena bħala kowċ, sar jaf bil-kanċer sena ilu u rriżenja mill-irwol li kellu ta’ Direttur Sportiv tal-klabb Żvediż Karlstad ftit wara.

‘Qed ngħix ħajja totalment normali’ qal Erikkson lill BBC World Service’s Sporting Witness.

‘Immur kultant l-isptar għal visti imma ngħix id-dar u niltaqa’ mal-ħbieb. Fil-Millied u l-Ewwel tas-sena l-familja kollha kienu għandi biex niċċelebraw flimkien’ kompla Erikkson

‘Meta tirċievi aħbar bħal din tibda taprezza aktar il-ħajja u tkun kuntent kull filgħodu li tkun qomt tajjeb’

L-ewwel sintomi li kellu kienet puplessija ħafifa u meta uliedu ħaduħ l-isptar, it-tobba qalulu li kellu 5 puplessiji żgħar iżda kien se jirkupra minnhom. Minkejja dan qalulu li l-aktar ħaġa inkwetanti kienet li kellu kanċer li ma jistgħux joperaw u li se jkunu qed ituh it-trattament u l-mediċina biex ikun jista’ jgħix kemm jista.

Erikkson rebaħ il-kampjonat ma’ IFK Göteborg fl-istaġun 1981/82, ma Benfica darbtejn wara xulxin fl-istaġuni 1982/83, 1983/84 u ieħor fl-istaġun 1990/91 u s-Serie A b’mod drammatiku fl-aħħar ġurnata ma’ Lazio fl-istaġun 1999/200.