Żagħżugħ li tressaq il-Qorti mmanettjat baqa’ miżmum taħt arrest wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li l-Erbgħa wara nofs inhar irreżista bi vjolenza ħames Pulizija, u li fera ħafif uffiċjal minnhom fi Triq ir-Repubblika, l-Belt Valletta.
Damian Attard ta’ 24 sena, li fil-Qorti qalet joqgħod il-Belt, iżda fl-akkużat ingħad li huwa residenti Ħaż-Żabbar, wieġeb mhux ħati li wettaq vjolenza fiżika fuq uffiċjali tal-Pulizija meta marru jkellmuh wara li kien daħlilhom rapport li qed jimmolesta lin-nies.
L-Ispettur Daryl Borg li flimkien mal-Ispettur Gabriel Micallef ressaq lil Attard qal li kien għall-ħabta tal-5pm li l-Pulizija marru jkellmu lill-akkużat u li dan mill-ewwel kien agressiv magħhom. Fost l-10 akkużi li ngħatawlu, hu ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika, nġurka lill-Pulizija bil-ħsieb li jbeżżagħhom, li qal kliem ħażin li jikkonsisti f’dagħa fil-pubbliku, li kiser diversi kundizzjonijiet tal-Qorti.
Attard li qal lill-Qorti li jaħdem f’ħanut tal-pizza ġie mixli li wettaq dawn ir-reati fil-bidu ta’ Triq ir-Repubblika, fejn il-Wembley. Il-prosekuzzjoni qalet li mhux minnu li l-akkużat jirresjedi l-Belt, iżda Ħaż-Żabbar, fejn hu suppost kien qed jiffirma fl-Għassa, f’każijiet marbuta ma’ reati oħra.
L-Avukat Franco Debono flimkien mal-Avukat Marion Camilleri staqsew lill-Prosekuzzjoni jekk kienx il-klijent tagħhom li kien aggredit minn xi persuni oħra, qabel ma huma marru fuq il-post.
Il-prosekuzzjoni qalet li Attard hekk kien qed jikkontendi, iżda ma kellux għalfejn jaġixxi bil-mod li aġixxa mal-Pulizija. Sadanittant il-Maġistrat Bartolo staqsa lill-prosekuzzjoni għaliex l-akkużat baqa’ mmanettjat waqt is-seduta, bil-prosekuzzjoni tgħid li Attard kien jinsab aċitat ħafna.
Il-Qorti ordnat li jitneħħewlu l-manetti għal bqija tas-seduta. Saret talba għall-pleġġ mid-difiża, li qalet li Attard għandu job. Din it-talba sabet oppożizzjoni qawwija minn naħa tal-prosekuzzjoni li argumentat li din mhux l-ewwel darba li l-akkużat agredixxa membri tal-Korp tal-Pulizija.
Fit-talba tagħha lill-Qorti, l-prosekuzzjoni qed titlob ukoll biex mal-piena applikabbli għall-imsemmija reati, tirrevoka d-digriet għall-ħelsien mill-arrest u wara li jinstemgħu l-provi, tordna li s-somma ta’ 14,000 ewro bħala depożitu u garanzija personali jgħaddu favur il-Gvern ta’ Malta. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ għaliex qalet li l-akkużat mhux persuna affidabbli.
//= $special ?>