Lokali Qorti

Mixli li hedded gwardjan tal-ħabs waqt seduta: Qallu li se jisparalu u joqtlu

Anzjan miż-Żurrieq, li jinsab il-ħabs u li huwa magħruf sew mal-Pulizija wieġeb mhux ħati li hedded u ħebb għal uffiċjal tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin waqt seduta fil-Qorti. Joseph Zahra ta’ 69 sena ġie mixli li nhar it-Tlieta, ġwardjan spiċċa allegatament aggredit minnu, fejn heddu li se jisparalu u joqtlu.

L-akkużat intervjena waqt li tressaq il-Qorti u talab lill-Maġistrat Axiak biex jgħid tiegħu. It-talba ġiet milqugħa u hawn hu qal li madwar tliet snin ilu fil-ħabs, uffiċjal tah daqqa ġo dahru permezz ta’ manetta. Tenna li fil-preżent jinsab f’Division 6, u li skontu mhix attrezzata għal persuna b’diżabilità, għax hu jagħmel użu mis-siġġu tar-roti.

L-avukat tad-difiża talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha bl-argument li din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat hedded u pprova jsawwat uffiċjal tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minkejja li dawn jassistuh u jgħinuh f’dak kollu li jkollu bżonn.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Maġistrat ċaħad it-talba għal-libertà provviżorja stante tal-imġiba tal-akkużat quddiem il-Qorti u stante li l-akkużat mhux persuna affidabbli. Għaldaqstant huwa reġa’ spiċċa eskortat lejn il-ħabs.