Lokali

“Robert Abela qed jaħsel il-ħniżrijiet tal-qarnita mafjuża” – Repubblika

“Id-diskors u l-aġir ta’ Robert Abela waqgħu f’bassezzi mingħajr preċedent. Il-ħatra ta’ Joseph Cuschieri f’pożizzjoni tal-gvern wara li rreżenja minn ħatra oħra meta nqabad jixxaħħam minn Yorgen Fenech m’hi xejn anqas minn att ta’ riabilitazzjoni uffiċjali tal-assoċjazzjoni mafjuża u korrotta bejn il-kriminali u l-gvern.”

Kien dan li ntqal fi stqarrija maħruġa mill-għaqda Repubblika dwar il-ħatra ta’ Joseph Cuschieri.

Huma komplew jgħidu li mhux tal-għaġeb għalhekk li Robert Abela fl-istess nifs ħabbar li Rosianne Cutajar se terġa’ titħaddan fil-Partit Laburista u fil-gvern. Repubblika qalet li Rosianne Cutajar kellha titlaq mill-politika wara li nkixfet l-assoċjazzjoni mafjuża u korrotta tagħha ma’ Yorgen Fenech u l-ħniżrijiet li wettqet għall-qliegħ tagħha.

L-istqarrija tkompli li Robert Abela qal li dawn it-tnejn “ħallsu prezz biżżejjed għall-ħażin li wettqu u ma jistgħux jibqgħu ikkastigati għal dejjem”; stqarrija li timplika li għal Robert Abela pożizzjoni u paga fil-gvern hi xi forma ta’ dritt ta’ Joseph Cuschieri, Rosianne Cutajar, u ta’ min hu tal-Partit jew qrib il-Partit.

Repubblika fakkru li pożizzjoni pubblika m’hi dritt ta’ ħadd iżda hi privileġġ riservat għal nies t’integrità denji għal ħatra pubblika għax ifittxu l-interessi ta’ ħaddieħor qabel tagħhom.

L-għaqda fakkret li Joseph Cuschieri u Rosianne Cutajar huma impreżentabbli għall-ħajja pubblika. Ma ħaqqu ebda “maħfra” min jinqabad juża l-uffiċju pubbliku biex jitħanżer u jixxaħħam. L-esklużjoni tal-persuni manifestement korrotti mill-ħajja pubblika mhux xi kastig għalihom, imma l-protezzjoni taċ-ċittadini biex il-ħallelin ma jingħatawx iċ-ċwievet tal-karus pubbliku.

Repubblika kompliet li hu ċar għalina li Robert Abela, aktarx taħt il-kmand ta’ Joseph Muscat, qed jaġixxi biex jinnormalizza l-irbit mafjuż tal-gvern ma’ Yorgen Fenech. Il-messaġġ li jridu jibgħatu Robert Abela u Joseph Muscat hu li ma fiha xejn ħażin li tinxtara minn Yorgen Fenech. Li forsi mhux daqshekk ċar s’issa hu: biex Joseph Muscat qed jirrikatta lil Robert Abela?

Kien għalhekk li Repubblika qalet li qed jirrespinġu bil-qawwa kollha din il-filosofija mafjuża u ntennu li se nirreżistu din il-qarnita mafjuża li qed iġġedded il-ħatfa li biha ħakmet pajjiżna.