It-tkaxkir tas-saqajn u n-nuqqas ta’ azzjoni fil-konfront tal-isfida tal-għoli tal-ħajja kull ma jmur qed iħallu riperkussjonijiet kbar fuq kull individwu f’Malta u f’Għawdex. Robert Abela ilu għal dawn l-aħħar snin rasu fir-ramel ma jagħrafx iwettaq il-miżuri meħtieġa biex jaffaċċja l-isfidi tal-għoli tal-ħajja.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa illum mid-deputati tal-PN Ivan Castillo, Albert Buttigieg, u Beppe Fenech Adami.
Statistika tal-NSO turi s-sitwazzjonijiet li għexna u li qed ngħixu, hekk kif fʼNovembru 2023, Malta rreġistrat żbilanċ kummerċjali taʼ €187.4 miljun. Fl-istess xahar ukoll, l-importazzjoni u l-esportazzjoni naqsu bʼ€187.5 miljun u bʼ€64.3 miljun rispettivament, meta mqabblin mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel.
In-nuqqas tal-Gvern f’dan il-qasam wassal biex is-settur ikompli jsir fraġli u l-fraġilità twassal biex il-Maltin u l-Għawdxin iħossu aktar ir-riperkussjonijiet ta’ konflitti preżenti. Is-sitwazzjoni, u dak li qed insofru kaġun tal-inċertezza fil-Baħar l-Aħmar, hu xhieda ta’ dan.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern, lil hinn minn ħafna kliem fieragħ, għandu jinfurma lill-impurtaturi tagħna, lin-nies fin-negozju u lill-konsumatur kif qed jippjana li jilqa’ biex itaffi l-effetti ta’ din il-kriżi u oħrajn.
Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jaghmel il-pressjoni kollha meħtieġa, inkluż fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonaijiet Uniti, biex ikompli jassigura li din il-kriżi tkun indirizzata.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-‘freight charges’ fuq kontejner ta’ 40 pied diġà splodew. Skont statistika internazzjonali, ir-rata għal kull kontejner ta’ 40 pied żdiedet bi tliet darbiet aktar mill-ammont fi żmien xahrejn.
Quddiem din il-krizi, il-pajjiż għandu bżonn is-soluzzjonijiet. U soluzzjonijiet li jħarsu lil dan is-settur għal żmien twil u mhux soluzzjonijiet ‘short-term’.
Il-Partit Nazzjonalista jerga’ jtenni l-urġenza li l-Gvern ineħħi t-taxxa minn fuq il-COLA u jintroduċi fond nazzjonali li jtaffi l-ispejjeż kbar fl-importazzjoni.
//= $special ?>