Minkejja l-kundannda tal-NAO għadha ma rritornatx lura l-flus mill-impjieg fantażma mal-ITS
“Issa ġejt għala biebi ħa nidħol konsulenta ta’ Pierre tal-ITS u ndaħħal paga oħra – ma jimpurtanix, kulħadd jitħanżer.”
Dan kien id-diskors li għal sena sħiħa ġie rappurtat fl-aħbarijiet u l-midja soċjali – kliem li ntqal mid-Deputat Parlamentari, dak iż-żmien Membru ferventi tal-Partit Laburista…Rosianne Cutajar f’chats ma’ sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech; akkużat bl-involviment tiegħu fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’April tal-2023, wara diversi appelli mis-soċjetà ċivili, ġurnali, esperti, opinjonisti u mill-Partit Nazzjonalista…ġustament, Rosianne Cutajar irriżenjat minn Membru tal-Partit Laburista – għalkemm qatt ma kienet imkeċċija minn Robert Abela.
F’Novembru tal-istess sena, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sostna li l-ħtieġa għall-ingaġġ ta’ Cutajar fl-ITS ma nstabet fl-ebda sors, u ddeskriva dan l-impjieg bħala wieħed fażull imħallas mill-fondi pubbliċi.
Filwaqt li sal-lum, xhur wara, Rosianne Cutajar għadha ma rritornax l-eluf ta’ ewro mħallsa mit-taxxi tagħna għal dan l-impjieg fantażma… issa, surrealment, Abela qed jikkunsidra li jdaħħalha lura fit-tim tiegħu.
F’April li għadda, hekk kif ħareġ miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista Abela kien sostna li dakinhar il-Labour ħa pass ta’ dixxiplina wara li kien żvelat il-kontenut taċ-chats ma’ Fenech.
Robert Abela kien qal li Cutajar mhux se tkun qed terġa tikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Labour. Iżda issa, 9 xhur wara, il-Prim Ministru donnu ċeda għall-pressjoni u ddeċieda li jagħmel u-turn oħra.
Abela qed jgħid li għall-impjieg fantażma – ikkundannat mill-NAO – Rosianne Cutajar ħalset prezz massimu.
Iżda sal-lum, dawn l-eluf ta’ ewro Cutajar għadha ma roddithomx lura, sal-lum għadna ma nafux għal min kienet qed tirreferi meta qalet li kienu qed jitħanżru…l-unika fatt ċert huwa li Robert Abela, reġa’ għamel u-turn oħra u jrid idaħħal lura lil seħbitu tad-distrett. Mossa deskritta mill-esperti bħala waħda li toħloq preċedent u tiftaħ il-bibien beraħ għall-eks Membri tal-Partit Laburista – fosthom Konrad Mizzi.
//= $special ?>