Lokali Qorti

Żagħżugħ taħt l-età mixli li hedded lil ommu b’sikkina

Żagħżugħ ta’ 17-il sena li jgħix mal-ġenituri tiegħu u li għandu problema ta’ droga, nżamm arrestat wara li ġie mixli li fil-jiem ta’ qabel il-Milied hedded lil ommu b’sikkina. Quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef qalet li l-vittma sabet il-kuraġġ li tagħmel rapport lill-Pulizija wara li skont hi ilha tisapporti l-atteġġament ta’ theddid għal dawn l-aħħar tliet snin.

Il-prosekuzzjoni qalet li fid-9 ta’ Jannar omm l-imputat kellha l-kurraġġ li tagħmel rapport fil-konfront ta’ binha fejn qalet li għal dawn l-aħħar tliet l-imputat kien qed jagħmel użu minn sustanzi llegali, Ta’ spiss hi kienet tgħidlu biex jieħu ħsieb saħħtu.

Ftit ġranet qabel il-Milied hi binha ma’ kellhom l-ebda argument, iżda f’ħin minnhom binha kellu b’sikkina f’idejh u qal lill-ommu – ‘din hija l-aħħar ġurnata ta’ ħajtek. Ħareġ li l-ammont ta’ messaġġi kienu jikkonsistu wkoll fuq insulti u theddid fuq il-ħajja ta’ ommu.

Il-prosekuzzjoni qalet li meta żagħżugħ ġie kuntattjat mill-Pulizija qalilhom, “jekk tridu tkellmuni ejjew intom.” Meta sar jaf li ommu kienet għamlet ir-rapport kompla jibgħatilha messaġġ ta’ theddid. Wara ttieħedet azzjoni biex jiġi arrestat.

Ħareġ ukoll li invista tal-fatt li l-imputat huwa minorenni dan għandu jinżamm ġewwa il-YOURS, detenzjoni għal persuni taħt l-età. Il-prosekuzzjoni talbet li tinħareġ ordni ta’ trattament fil-konfront tal-imputat biex jingħata l-għajnuna kontra l-vizzju ta’ sustanzi lleċti.

L-akkużat fil-preżenta ta’ missieru wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih fejn qal li jaħdem f’ħanut tal-merċa. Id-difża mmexxija minn DR. Martina Herrera bħala avukat tal-għajnuna legali għamlet talba għall-pleġġ, liema talba sabet oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni.

L-Ispettur Micallef qalet li kienet qed toġġezzjona minħabba l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi u n-natura tal-akkużi u li minkejja li l-kondotta mhijiex gravi il-fatt li dawn l-affarijiet ilhom iseħħu s-snin sakemm għamlet ir-rapport, hemm il-biża reali li jsir reat ieħor. Fattur ieħor huwa li l-omm għad trid tixhed.

L-Avukat Herrera qalet li l-akkużat għadda minn żmien ħażin u issa qed jaħdem. Kellu problemi ta’ droga u mar il-Caritas biex il-problema tiġi ndirizzata u li bħalissa qed jgħix ma’ missieru. Il-parte civile qalet li bħalissa ommu tant kemm tinsab beżgħana li kellha tmur toqgħod fil-vileġġatura ġewwa x-Xemxija, u għalhekk abbandunat id-dar matrimonajali li tinsab ġewwa Ħ’Attard.

L-Avukati Mario Buttigieg u Helga Buttigieg Debono f’isem l-allegata vittma qalu li kull ma għamel il-Caritas kien xi jumejn jew tlieta u qabad u telaq. Tennew li huma kienu qed jitolbu għal ordni ta’ trattament u m’għandhomx interess ieħor ħlief il-ġid tat-tifel. Imma sakemm tixhed l-omm għalissa aħjar li ma jingħatax il-pleġġ.

L_Ispettur Micallef qalet li waqt l-investigazzjoni l-imputat ammetta li l-problema għadha hemm, imma wera xewqa li jidirizza l-problema fil-preċenza ta’ social worker. Qalet ukoll li iżda hemm bżonn li jieħu inizjattiva wara li ammetta li teżisti l-problema. Ġie milqugħa wkoll talba għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegata vittma.