Ekonomija Ewropa Internazzjonali

FL-IRLANDA: Ikomplu jorħsu l-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel

L-istess bħall-Italja u Franza, anke fl-Irlanda fl-aħħar jiem kien rappurtat roħs fil-prezz ta’ xirja bażika – fatt li qed jagħti ftit tan-nifs lill-familji, il-ħaddiema u l-anzjani li qed ibatu biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar.

Issa, wara xhur ta’ żidiet, l-Irlandiżi qed jinnutaw li l-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel fuq l-ixkafef tal-ħwienet qed jaraw tnaqqis.

Rapporti fil-gazzetti Irlandiżi qed jirrappurtaw kif xirja li sa ftit ilu kienet tiġik €121 issa roħsot għal €106.

F’ċertu każi, il-prezzijiet kellhom tnaqqis ta’ 23 fil-mija.

L-Irlandiżi qed jilmentaw bis-sitwazzjoni diffiċli relatata mal-qagħda finanzjarja tagħhom, minkejja li l-paga medja hija d-doppju ta’ dik f’pajjiżna.

F’Malta l-paga medja hija ta’ ftit aktar minn €22,000 fis-sena – ammont li skont iċ-ċifri maħruġa mill-Fondazzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli mhux biżżejjed biex bank isellef il-flus għal persuna single biex tixtri post.

Meta l-paga medja tiġi ikkumparata ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn sibna li hija ferm inqas mill-medja ta’ €45,000 fis-sena fl-Irlanda, €39,000 fi Franza, €52,000 fl-Awstrija, €49,000 fil-Ġermanja, 33,000 fil-Portugal, u €27,000 fl-Italja