Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ikkonfermat sentenza fil-konfront ta’ raġel ta’ 41 sena residenti Raħal Ġdid li kellu peina ta’ sitt xhur ħabs ikkonfermata wara li nstab ħati li pprova jidħol f’dar tal-anzjana biex jisraqha.
Owen John Carabott għal darb’oħra nstab ħati li fid-dawl tax-xemx fil-jum tad-29 ta’ Mejju 2022 ipprova jisraq minn dar ta’ anzjana f’Ħ’Attard. L-appell tiegħu ma ġiex milqugħ bil-Qorti tal-Appell tikkonferma s-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Kevan Azzopardi.
L-anzjana, li llum għandha 68 sena kienet xehdet li kien għall-ħabta tat-3.30pm. semgħet taħbita fuq il-bieb u xi ħadd qalilha “jien nanna, iftaħ, iftaħ”. Hi ndunat mill-ewwel li ma kienx in-neputi għax il-leħen kien wieħed differenti imma mill-‘keyhole’ ma setgħetx tikkonferma mija fil-mija, għax kellu xagħru mniżżel.
Hawn hi bexxqet il-bieb u rat raġel bil-maskra li qalilha li ried jixrob, jiekol u li ried l-flus. Qalet li b’idha u b’ġenbha għalqet il-bieb u sieq ir-raġel inqarset u beda jgħajjat u jidgħi għax weġġa’. L-anzjana xehdet li kienet lesta tagħtih xi ħaġa imma mhux li jimbuttalha l-bieb biex jidħol. Spjegat li wara mar iħabbat bibien oħra.
Pulizja xehdu li meta kien arrestat l-akkużat qal li kien għadu kemm ħareġ minn Monte Carmeli u kien qed jittallab fit-triq għax ma kellux fejn joqgħod. Il-Qorti tal-Appell innotat li meta poġġa saqajh biex ma jħallihiex tagħlaq kien qed jipprepara biex jidħol jisraq u s-serqa ma seħħitx għax kienet pronta timbottah.
Innotat ukoll li għandu kondotta kkulurita u li kien ingħata diversi opportunitajiet biex jirriforma. Għaldaqstant, qalet li ma tara ebda raġuni għala tibdel is-sentenza u kkonfermat is-sentenza ta’ sitt xhur ħabs u l-ordni ta’ trażżin għal tliet snin biex tipproteġi lill-anzjana. L-Ispettur Ritienne Gauci mexxiet il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>

