Arrest minn ċittadin komuni li sar ilĦamis waranofsinhar fuq raġel li ntlemaħ jisraq oġġetti minn karozza pparkjata fil-Birgu, irriżulta fil-kundanna tal-ħati. L-ispettur tal-Pulizija Paul Camilleri u l-prosekutur Alexia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali akkużaw lil Nassir Musbah Ali ta’ 31 sena mill-Etjopja b’serq aggravat.
L-Ispettur qal lill-Maġistrat Lara Lanfranco li Musbah Ali kien seraq borża, li kien fiha mobile u portmoni, minn karozza li kienet ipparkjata fix-xatt tal-Birgu. Il-ħalliel ġie mwaqqaf u mrażżan minn minn persuna li kienet għaddejja minn hemm sakemm waslu l-pulizija.
Fil-Qorti ntqal li Musbah Ali kellu jinqabad it-tieni darba, wara li pprova jaħrab mill-pulizija. L-oġġetti misruqa ngħataw lura lil sidhom fuq il-post. Musbah Ali qal lill-Qorti li kien joqgħod fl-Open Centre ta’ Hal Far u bħalissa jinsab bla xogħol.
Huwa wieġeb ħati tal-akkużi, u kkonferma l-ammissjoni tiegħu wara li ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidra. L-Avukat Maria Karlsson, li qed tassisti lill-imputat, talbet li l-partijiet jitħallew jersqu lejn is-sedja tal-Maġistrat biex jagħmlu sottomissjonijiet dwar il-piena. It-talba ġiet permessa.
Waqt li ħadet sentenza fuq il-ħati, il-qorti wara li kkunsidrat numru ta’ fatturi, fosthom it-talba bikrija tiegħu ta’ ħati, ikkundannat lir-raġel għal sena ħabs, sospiżi għal sentejn.


