Iżrael qed jgħid li l-Afrika t’Isfel qed tilgħab logħba ta’ qerq fil-każ li ressqet kontra l-Iżraeljani dwar allegat ġenoċidju waqt il-gwerra ta’ Gaza. Dan meta l-Iżraeljani kienu qed jirribattu l-akkuża fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ( f’The Hague) u wara li l-Afrika t’Isfel ippreżentat il-każ tagħha.
L-avukat Iżraeljan Tal Becker qal, f’The Hague, li l-Afrika t’Isfel ippreżentat każ li jmur kontra dak li qed iseħħ tassew fil-gwerra ta’ Iżrael mal-Ħamas. U waqt li l-Afrika t’Isfel insistiet dwar ‘il-ġenoċidju tal-Palestinjani’, Tal Becker qal li l-każ jibbaża fuq versjoni manipulata u li ma tiżvelax ir-realtà f’Gaza.
Wara li l-Afrika t’Isfel talbet lill-qorti biex tordna lil Iżrael ħalli jwaqqaf l-azzjonijiet militari, Tal Becker spjega li t-terroristi tal-Ħamas qed jagħmlu li jistgħu biex jeqirdu l-ħajja ta’ aktar ċivili – Iżraeljani u anki Palestinjani. Hu kompla li Iżrael — minkejja l-akkużi — qed jipprova jimminimizza l-vittmi innoċenti waqt il-konflitt.
Id-digrieti tal-Qorti Internazzjoanli – l-ogħla qorti ta’ The Hague – jorbtu legalment lill-pajjiżi inkwistjoni biex jirrispettawhom, madankollu ma teżisti l-ebda sistema għall-infurzar ta’ dawn id-digrieti.
//= $special ?>