Internazzjonali

Il-Jemen: Azzjonijiet militari kontra l-Houthi b’konsegwenza tal-attakki fuq il-vapuri fil-Baħar l-Aħmar

epa11070759 A handout photo made available by the British Royal Air Force (RAF) shows a RAF Typhoon aircraft taking off to join a US-led coalition to conduct air strikes against military targets in Yemen, from RAF Akrotiri base in Cyprus, 11 January 2024 (issued 12 January 2024). Four RAF Typhoons launched from RAF Akrotiri on 11 January to conduct strikes against military targets in Yemen. Houthi rebels have been targeting merchant vessels in the Red Sea and Gulf of Aden with missiles and drones. According to the Royal Air Force, Houthi attacks in the Red Sea greatly increased between November and December, causing major shipping companies to cease sailing in the region and insurance costs to rise ten-fold since early December. EPA-EFE/SGT LEE GODDARD/BRITISH ROYAL AIR FORCE MANDATORY CREDIT: UK MOD CROWN COPYRIGHT HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

Il-qawwiet tal-Istati Uniti u r-Renju Unit, kmieni dalgħodu, wettqu l-akbar sensiela ta’ attakki fuq il-milizji tal-Houthi fil-Jemen…Dan meta l-milizji ilhom mill-aħħar ta’ Novembru jisparaw il-missili u d-drones lejn il-vapuri tal-merkanzija li qed jivvjaġġaw kontinwament mill-Baħar l-Aħmar.

L-Istati Uniti u r-Renju Unit kienu ilhom iwissu lill-Houthi – alleati tal-Iran – li kellhom jirreaġġixxu għall-azzjonijiet ostili tal-milizji. Fl-istess ħin l-osservaturi qablu li l-Houthi batew bil-kbir mill-attakki ta’ preċiżjoni fuq is-siti tagħhom fil-Jemen.

L-attakki — mill-ajru u mill-baħar — fuq il-Houthi laqtu talanqas 20 pożizzjoni fil-Jemen minfejn qed isiru l-attakki fuq il-bastimenti.

Fis-sigħat ta’ wara, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li l-azzjoni kontra l-Houthi għandha tipproteġi l-moviment ħieles tal-kummerċ internazzjonali mill-Baħar l-Aħmar.

Il-President Biden kompla li mhux se jibqa’ lura minn aktar azzjonijiet militari kontra l-Houthi f’każ li jkun neċessarju. Iżda l-Istati Uniti anki għamlitha ċara li ma tridx tara konflitt aktar mifrux madwar il-Lvant Nofsani u għaldaqstant hemm kull possibbiltà li azzjonijiet simili tal-Amerikani fil-futur għandhom ikunu pjuttost ‘limitati’.

Il-Houthi fil-Jemen ilhom is-snin jiġġieldu gwerra mal-koalizzjoni taħt it-tmexxija tal-Arabja Sawdija u għaldaqstant għandhom esperjenza kbira fejn jidħlu t-tattiċi u l-istrateġiji tal-gwerra.

Intant, sar magħruf  li l-Olanda, l-Awstralja, il-Kanada u l-Bahrain ipprovdew appoġġ lill-missjoni militari tal-bieraħ kontra l-Houthi.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, qal li l-attakki fuq il-Houthi, filwaqt li ‘limitati’, kienu neċessarji għad-difiża tal-bastimenti kummerċjali li bilfors iridu jbaħħru qrib il-Jemen.

Il-Houthi, fl-aħħar jiem, qalu li kienu qed jisparaw il-missili lejn il-bastimenti b’konnessjoni ma’ Iżrael u bħala appoġġ għall-grupp Palestinjan terroristiku Ħamas li ilu mis-7 ta’ Ottubru jiġġieled gwerra qalila mal-Iżraeljani.

Madankollu, spikkaw ukoll l-attakki indiskriminattivi mill-Houthi fuq il-bastimenti li qed ibaħħru taħt il-bnadar ta’ diversi pajjiżi — u bl-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jaqblu li għandu jsir minn kollox biex tispiċċa t-theddida għall-vapuri li huma strumentali għall-kummerċ globali

Sadanittant, il-Houthi, issa, ħalfu li l-aħħar attakki tal-Amerikani u l-Britanniċi fuq is-siti fil-Jemen mhumiex se jgħaddu ‘mingħajr xi forma ta’ ritaljazzjoni’. Il-Houthi, fl-istess ħin, ħalfu li se jkomplu bl-attakki fuq il-bastimenti fil-Baħar l-Aħmar waqt li jibqgħu jappoġġjaw lill-Ħamas fil-gwerra tagħhom mal-Iżraeljani.