Produttur tal-films Eġizzjan li kien jgħix l-Italja ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sitt xhur wara li nstab ħati li hedded lil martu ta’ nazzjonalità Bulgara bi kliem diżpreġġattiv b’tali mod li beżagħha u li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni.
Mix-xhieda quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco jirriżulta li l-koppja bdiet l-aktar bil-problemi wara li Ahmed Mabrouk ta’ 34 sena, residenti San Pawl il-Baħar beda jissuspetta u sussegwentement ra dokumenti li jindikaw li kien hemm ftehim bejn martu u ommha biex jieħdu lil ibnu l-Bulgarija.
Il-ħtija fil-konfront tal-akkużat instabet għax martu ġibdet filmati bi kliem diżpreġġattiv fil-konfront tagħha u li ukoll ġibdet filmati li juri xi ġrieħi ħfief li hija kellha u li qalet li kienu saru minn żewġha. Madankollu ma kien hemm l-ebda prova medika li tikkonferma dan kollu, bl-akkużat jgħid fil-Qorti li r-ritratti li esebit martu kienu ‘fake’.
Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li ma tistax tifhem kif l-vittma kienet ta’ spiss ittella’ posts fuq Facebook u anke tagħmilha pubblika ta’ kemm hi kienet tħobb lil żewġha, meta imbagħad dan kollu wassal għal din is-sitwazzjoni.
Mabrouk għandu negozju dinja tal-films qosra (short films) dejjem innega l-akkużi ta’ martu u li hu kien jipprova jaqbad ma’ nisa oħra, u dejjem qal li n-nisa li kien ikellem fuq il-mobile, kienu wkoll persuni li jaħdmu miegħu, jew li jipprova jħajjar għall-produzzjoni tal-films.
Il-mara kienet għamlet rapport kontra żewġha fl-1 ta’ Settembru 2020 fejn qalet li kien qed jikkawżalha abbuż psikoloġiku. Hi spjegat li kienet ilha f’relazzjoni mal-akkużat għal ftit aktar minn sena. Fil-21 ta’ Diċembru tal-2019 kienu żżewwġu.
Qalet li meta żżewwġu kienet tqila minn żewġha u marru joqgħodu San Pawl il-Baħar. Madankollu, qalet il-mara – ġimgħajen biss wara ż-żwieġ, żewġha beda jsir abbużiv kemm b’mod fiżiku kif ukoll psikoloġiku. Qalet li ma kinitx irrapportat lil żewġha mill-bidu ta’ dan l-abbuż minħabba li kienet tibża’ minnu u meta nfumatu li kienet se tagħmel qalilha li ħadd ma kien se jagħti kasha.
Madankollu sostniet li wara għamlet kurraġġ wara li kellmet avukat li ħeġġiġha biex tagħmel rapport. Il-mara qalet lill-Pulizija li l-abbuż kien beda meta żewġha kien irnexxielu jikseb il-permess ta’ residenza għaliex skont hi qabel ma seħħ dan hu kien jinsab Malta illegalment.
Din l-allegazzjonijiet kienet ġiet sorvolata wara li d-difiża kienet infurmat lill-Qorti li l-akkużat u missieru kienu jgħixu l-Italja u kellhom il-permessi kollha li jgħixu f’dan il-pajjiż Ewropew u għalhekk qatt ma seta’ l-akkużat ikun Malta, b’mod illegali.
Hi allegat li żewġha kien isawwatha anki meta kienet tkun qed iżomm t-tarbija f’idejha u li kien ifittex mara oħra biex teħdilha postha bħala omm għal ibnu, apparti li l-ħin kollu kien jinsulentaha. Kienet qalet ukoll li żewġha hu ta’ periklu għal binha.
Qalet ukoll li l-akkużat kien joħdilha l-mobile u apparti li kien isawwatha kien isegwiha kullimkien. Kompliet tgħid li meta ommha ġiet Malta biex taraha, hu kien ħa d-dokumenti tagħha (ta’ ommha) wara li fetħilha l-bagalja tas-safar.
Hija qalet ukoll li riedet tirreġistra lil binha l-Bulgarija għaliex fin-nuqqas ta’ dan kienet tispiċċa mmultata, u dan skont il-liġi tal-Bulgarija. Dan fid-dawl tal-fatt li żewġha ma jinteressaħx minn dan kollu għaliex ma jimpurtahx jekk ibnu jiġix reġistrat jew le.
Hi qalet ukoll li żewġha jaħbilha l-flus biex ma tkunx f’pożizzjoni li tixtri l-ikel u li hu jsir abbużiv kull darba li tikkonfrontah dwar dan. Madankollu minkejja dawn l-allegazzjonijiet il-mara naqqset li tipprovdi ċertifikati mediċi dwar dak li allegatament kien qed iseħħ u dan għaliex ukoll hi għamlet ir-rapport dwar l-abbuż ġimgħa wara.
Meta kien ġie mitkellem mill-Pulizija, l-akkużat dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet. Hu qal li dan kollu beda jseħħ għax għall-ewwel ma riedx li omm il-mara tiegħu tgħix magħhom meta tkun Malta, u li għal dan kien hemm raġuni.
Hu ċaħad ukoll li ma kienx jikkontribwixx għal ikel, anzi kienet martu li qatt ma sajritlu. Qal ukoll li martu u ommha riedu jieħdu lil ibnu l-Bulgarija. Fil-fatt fit-2 ta’ Settembru, 2020 hu kien informa lill-Pulizija li martu kienet telqet mid-dar u skont hu hemmhekk kienu bdew jivvintaw fuqu.
Meta l-każ kien qed jintstema quddiem ġudikant ieħor il-mara kienet qalet li hi kienet qed tiġi abbużata minn żewġha anke meta kienet tqila bit-tarbija. Kienet ukoll ippreżentat lill-Qorti xi ritratti tal-ġrieħi li kienet sofriet. Kienet qalet ukoll li f’okkażjoni minnhom wara li welldet kellha ssakkar lilha nnifisha fil-kamra tal-banju bit-tarbija, tant kemm beżgħet minnu, b’żewġha jispiċċa jkisser il-bieb.
Dan kollu baqa’ jiġi miċħuda minn żewġha. Qalet ukoll li hi bdiet tinkwieta li l-akkużat kien se jibda jkun aggressiv ukoll ma’ binha. Kien ukoll iwaddbilha xi oġġetti imma qatt ma heddidha bil-mewt. Il-mara qalet ukoll li meta hi kienet tqila, żewġha kien mar għax xahar l-Eġittu biex jattendi tieġ u biex iġedded il-passaport.
Hi qalet li l-attitudni tiegħu nbidlet u fil-bidu ta’ dan kollu kien beda juri indifferenza lejha, fis-sens li ma jagħtix kasha u moħħu biss biex jqatta’ l-ħin tiegħu fuq l-internet, dan waqt li kienu għadhom f’relazzjoni u l-affarijiet ma kienux daqstant gravi.
Kien anke jgħajjarha li ma tafx issajjar u li darba heddidha li kien se jitfa’ fuqha żejt jgħali. Qalet ukoll li waqt il-pandemija tal-COVID kien iddeċieda li jieqaf mix-xogħol u li kienet hi li bdiet tagħtih is-sapport. Dan dam sejjer għal tliet xhur fejn kienet tagħtih il-flus biex imur jixtri, iżda kien jonfoq kollox għalih inniffsu, kompliet tgħid il-mara Bulgara.
Tenniet ukoll li darba kellha argument miegħu fuq l-użu tal-elettriku fid-dar fejn spiċċa jsawwatha u jagħtiha bis-sieq, apparti li kien jgħajjat magħha. Hi qalet li qatt ma marret għand tabib meta kien isawwatha għax dejjem riedet li l-affarijiet jirranġaw.
Mistoqsija mid-difiża mmexxija mill-Avukat Veronika Spiteri għaliex kienet ittella’ ritratti fuq Facebook li tgħid li kienet kuntenta u tħobb ħafna lill żewġha, wieġbet li kienet tagħmel dan biex iżżommu kalm u dejjem bit-tama li l-affarijiet jinbidlu. Qalet ukoll li hi kienet talbet lill-familja ta’ żewġha għal għajnuna. Dan kollu imma għamlu iżjed irrabbjat, qalet martu.
l-ebda vjolenza sesswali
Hi qalet li r-raġel tagħha qatt ma uża vjolenza sesswali fil-konfront tagħha. Qalet ukoll li ommha qatt ma kienet tgħix magħhom, imma biss kienet tmur tarahom u anke kienet tgħinhom. Hi ċaħdet ukoll li kienet se tieħu lil binha l-Bulgarija mingħajr żewġha.
Omm l-allegata vittma xhedet ukoll f’dawn il-proċeduri fejn qalet li lejn l-aħħar kienet qed tinnota ċerta aggressjoni minn naħa tar-raġel ta’ binha u li din dejjem kienet qed tiżdied aktar ma bda jgħaddi ż-żmien. Ikkonfermat ukoll li hu dejjem kien ikun moħħu biex joqgħod fuq il-computer u li dejjem kien jilmenta ma’ bintha fuq l-ikel li ssajjar. Tenniet li hi kienet ġiet Malta ħdejn binha xi ħames jew sitt darbiet.
Minn naħa tiegħu l-akkużat spjega fil-Qorti kif kien iltaqa’ ma’ martu u li hu kien iħobb ħafna lilha u lit-tarbija u li għall-ewwel l-affarijiet kienu mexjin sew. Tenna li fi żmien il-pandemija kemm hu u martu ma kienux jaħdmu u kienu joqgħodu l-ħin kollu d-dar.
Tenna li meta martu kienet waslet biex jispiċċilha l-leave tal-maternità, min iħaddimha beda jagħmlilha pressjoni biex tfittex tidħol għax-xogħol, u li hi ma xtaqitx li tagħmel dan. Meta spiċċalha l-leave reġgħet bdiet tmur għax-xoghħol, kellha meeting mal-boss tagħha u meta marret lura id-dar, infurmatu (lill-akkużat) li se taħdem għal sitt xhur oħra, meta f’dan il-perjodu kienet se tiġi ommha biex tgħinhom, xi ħaġa li għall-ewwel hu qabel magħha.
Qal li kellu relazzjoni tajba ma’ ommha, imma meta reġgħet waslet Malta f’Awwissu tal-2020 kienet saret indifferenti fil-konfront tiegħu, kif bdiet tagħmel martu fejn spiċċa qiesu ma jeżistix. Hu qal li beda jissuspetta li se jiġri xi ħaġa u għalhekk kien fetaħ il-bagalja tas-safar ta’ omm il-mara għax beda jaħseb ħażin, u dejjem jaħseb li kien se jitlef lil ibnu.
Meta sar jaf li omm il-mara tiegħu kellha xi dokumenti Bulgari, tifliha u beda’ jgħajjar u jgħid lil martu – “intom se tieħduli lil ibni. ” Kien għalhekk li mar jagħmel rapport mal-Pulizija u talab lil ommha biex titlaq mid-dar.
Meta l-Pulizija marru fl-appartament tagħhom, kemm martu u ommha bdew jibku u jallegaw li hu kien aggressiv. Qal li jiftakar li ried joħroġ lil ibnu għal mixja u omm il-mara ma ħallitux, u qaltlu għax hu Afrikan u hawn beda jifhem li kienu qed iċaħħduh min ibnu stess.
Tenna li hu jiċħad b’mod kategoriku li qatt wettaq xi vjolenza domestika fil-konfront ta’ martu. Qal ukoll li r-ritratti li esebit martu dwar feriti li ġarrbet huma kollha fake. Qal ukoll li mhux minnu li kien qed ifittex nisa oħra, u li meta kien ifittex xi nisa, dan kien jagħmlu minħabba l-professjoni tiegħu fl-industrija tax-short films, fejn anke martu kienet tgħinu dwar dan.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li hija tispera sinċerament li dak li hi sabet bħala provi, u s-sentenza finali ma jintużawx fi proċeduri ċivili li għadhom pendenti bejn il-partijiet, prinċipalment fejn tidħil il-kustodja ta’ binhom, li minn dak li semgħet il-Qorti jidher li dan ilu ma jara lil missieru għal diversi snin.
Il-Qorti qalet li minkejja d-differenzi bejn il-partijiet huma għandhom jaġixxu b’mod matur għall-aħjar interess tat-tifel li l-ewwel u qabel kollox għandu bżonnhom it-tnejn f’ħajtu.
Għalih dehret l-Avukat Veronika Spiteri filwaqt li l-Avukati Herman Mula u Johann Debono deheru għal martu.
//= $special ?>