Lokali

Ippreżentati emendi dwar każijiet relatati mad-droga

Il-Ġimgħa waranofsinhar ġew ippreżentati numru ta’ proposti b’rabta mar-riforma fil-Qorti tad-Droga bil-għan li dawk l-individwi li jkollhom każ il-Qorti b’rabta ma’ droga jingħataw rijabilitazzjoni flok priġunerija.

L-ewwel proposta hi li jiżdiedu l-membri tal-Bord ta’ Rijabilitazzjoni għal persuni li nqabdu bid-droga. Din l-emenda hija intiża sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jsiru seduti tal-bord minħabba nuqqas ta’ attendenza ta’ membru jew membri. Preżentament il-Bord huma magħmul minn 4 membri iżda b’din l-emenda se jiżdiedu għal 7.

Proposta oħra hija l-kjarifika tal-ħtiġijiet sabiex il-Qorti tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-droga. Dan ifisser li jekk persuna tkun għamlet reat f’perjodu fejn l-akkużat kien dipendenti fuq id-droga tkun kwalifikata sabiex il-każ jinstema f’Qorti dwar id-droga.

Apparti minn hekk, dawn il-proposti jinkludu wkoll eżerċizzju ta’ diskrezzjoni tal-Qorti sabiex tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-droga.

Proposta oħra f’din ir-riforma tinkludi wkoll id-dmir illi d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ persuni li nqabdu bid-droga jkunu sostanzjati bl-għoti tar-raġunijiet. Dan ifisser li r-rapport minn dan il-bord jkollu wkoll spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ.

Ir-riforma qed teżiġi li d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Bord ikunu kkomunikati mal-Qrati l-oħra sabiex jekk l-individwu għandu kawżi oħra dawn ikunu jistgħu jieħdu konsiderazzjoni tal-konklużjonijiet dwar ir-riabilitazzjoni tal-akkużat.

Barra minn hekk, proposta oħra tindirizza l-bżonn ta’ proċess aktar ġust għal dawk li jkunu skontaw sentenza f’każijiet passati ta’ pussess sempliċi fil-ħabs. Dan bil-għan li l-individwu jingħata ċans ieħor.

Permezz ta’ din ir-riforma se jkun hemm il-possibiltà ta’ proċess fil-Qorti Kriminali mingħajr ġurati.

Din il-konsultazzjoni pubblika dwar din ir-riforma se tibqa’ għaddejja sad-9 ta’ Frar.