Wara li din il-ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela qal li jrid idaħħal lura miegħu lil Rosianne Cutajar bosta Ministri fil-Kabinett issa qed joħorġu għonqhom għal Rosianne Cutajar. Dan minkejja li hi kienet kundannata għal aktar minn darba, fosthom l-Awditur Ġenerali.
Matul il-jum tal-Ġimgħa Net News saqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard jekk jaqbilx mar-ritorn ta’ Rosianne Cutajar fil-Partit Laburista … b’Attard jiddikjara li jaqbel perfettament ma’ dak li qal Robert Abela, u ma ddejjaq xejn joħroġ għonqu għal Rosianne Cutajar.
F’April tas-sena li għaddiet, wara diversi appelli mis-soċjetà ċivili, ġurnali, esperti, opinjonisti u mill-Partit Nazzjonalista; Rosianne Cutajar irriżenjat mill-Partit Laburista – għalkemm qatt ma kienet imkeċċija minn Robert Abela. Bil-Prim Ministru jgħid li l-Labour ħa pass ta’ dixxiplina wara li kien żvelat il-kontenut tac-chats ma’ Yorgen Fenech.
Imbgħad, f’Novembru li għadda, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ddeskriva l-impjieg ta’ Rosianne Cutajar bħala wieħed fażull imħallas mill-fondi pubbliċi – eluf ta’ ewro li għadhom ma ingħatawx lura.
Intant, wara r-reshuffle tas-Sibt li għadda, bosta qed iqajmu tħassib dwar il-fatt li il-Ministru Jonathan Attard issa għandu portafoll li jinkludu fih żewġ oqsma totalment different – il-ġustizzja u l-kostruzzjoni.
Iżda meta mistoqsi mill-ġurnalisti, Jonathan Attard prova jxejjen dawn id-dubji.
//= $special ?>