Edukazzjoni Lokali

“Kwistjoni li twalet wisq u għalhekk qed toħloq inċertezzi” – MUT

Kienet din l-ispjegazzjoni ċara li ta waqt il-Program Net Live tal-Ħamis Il-President tal-MUT Marco Bonnici hekk kif fakkar li n-negozjati mal-Gvern komplew din il-ġimgħa – kemm in-negozjati dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll dwar il-pakkett finanzjarju.

Bonnici stqarr illi l-ikbar intopp sabiex jintlaħaq qbil jibqa’ il-pakket finanzjarju, hekk kif fuq il-kwistjonijiet l-oħra hemm konverġenza.

Jidher li l-kwistjoni tal-għalliema twalet wisq anka minħabba l-fatt li dan hu ftehim illi ilu li skada aktar minn sena. U għalhekk il-membri tal-MUT qed jibdew jistaqsu kemm dwar l-aritrat, kif ukol  dwar il-kundizzjonijiet infushom.

Fl-aħħar jiem, il-Ministru Clifton Grima żvela li fl-ewwel 12-il ġimgħa tas-sena skolastika li ninsabu fiha, irriżenjaw diġa’ 13-il għalliem mill-iskejjel tal-Gvern: 6 mill-Primarja u 7 fl-iskejjel medji.

Dwar din ir-realtà, Marco Bonnici qal li din mhux kwistjoni  li l-Gvern sempliċiment jgħid li tlifna 13-il edukatur; imma għal-MUT huwa essenzjali li jkunu jafu x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-edukatturi ikunu telqu.

Intant, Marco Bonnici qal li preferibilment il-qbil għall-pakkett tal-għalliema jasal mill-aktar fiss possibli; pero sfortunatament dan qed jidher li mhux ser ikun possibli anka ħabba l-fatt li resqin l-elezzjonijiet lokali u Ewropej.