L-standards għoljin li darba tkellem fuqhom il-Gvern ilhom li waqgħu.
Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel l-editorjal tal-Malta Independent hekk kif għamel referenza għad-diskors li qal il-Prim Ministru jumejn ilu – fejn żvela li qiegħed jikkunsidra li Rosianne Cutajar tirritorna mal-Partit Laburista. Diskors li fih inifsu juri kemm l-Gvern warrab l-istandards li tant ftaħar bihom.
L-editorjal spjega kif id-diskors ta’ Robert Abela li Cutajar ħalset prezz għoli għall-aġir tagħha, jikkontradixxi dak li qal hu stess meta Cutajar kienet irreżenjat – fejn kien stqarr li kompletament qed jeskludi l-kandidatura tagħha f’isem il-Partit Laburista.
Rosianne Cutajar kienet tneħħiet mil-Kabinet lura fl-2020, wara li ħareġ fil-beraħ li hi kienet involuta f’deal dwar propjeta ma’ Yorgen Fenech. Imbgħad, f’April li għadda l-awtur Mark Camilleri kien kixef ir-relazzjoni intima ta’ bejnha u bejn Yorgen Fenech sabiex eventwalment, l-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali sab li l-job ta’ konsulenza li kellha mal-ITS kien wieħed frawdalenti u irregolari.
L-Indipendent tinsisti illi prova oħra ċara ta’ kemm l-istandards ta’ dan il-Gvern qed ikomplu dejjem sejrin lura, huwa l-impjieg ta’ Joseph Cushcieri illi tpoġġa’ bħala Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, wara li tkeċċa Steve Ellul.
Cushcieri kien il-persuna illi mar Las Vegas ma Yorgen Fenech sabiex jagħtih xi pariri, u minkejja li dak iż-żmien Fenech kien għadu mhux akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia l-MFSA xorta kienet sabet li dan kiser il-kodiċi tal-etika fuq il-bażi li din il-vaganza kienet imħalsa minn Yorgen Fenech.
Fl-għeluq tiegħu, l-editorjal jistaqsi jekk issa għandniex nistennew aktar sorpriżi – inkluż ir-ritorn ta Justyne Caruana, Chris Cardona jew saħansitra Konrad Mizzi.
//= $special ?>