Lokali

“Robert Abela spiċċa pupazz tal-klikka”

Id-deċiżjoni ta’ Robert Abela li jerġa’ jdaħħal lura lill-eks Deputat Laburista Rosianne Cutajar fil-Labour qajmet bosta reazzjonijiet mill-partitarji Laburisti. Dan hekk kif fuq il-media soċjali kien hemm ħafna illi kkummentaw li Robert Abela spiċċa pupazz tal-klikka… li kulħadd jagħmel bih li jrid, u jagħmel biss dak li jgħidulu.

Persuna partikolari staqsiet għala l-Prim Ministru biddel il-ħsieb tiegħu… u jekk hemmx xi affarijiet li tista’ tikxef Rosianne Cutajar – u allura qed torbot idejn Robert Abela.

Oħrajn ikkummentaw li l-ħażin jibqa’ dejjem ħażin, jgħaddi kemm jgħaddi żmien… u li l-flus li Cutajar ħadet mill-ITS baqgħet qatt ma rritornathom lura.

F’April li għadda, hekk kif ħareġ miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Robert Abela kien qal li Rosianne Cutajar mhux se tkun qed terġa’ tikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Labour. Iżda issa, 9 xhur wara, il-Prim Ministru għamel u-turn oħra u ċeda għall-pressjoni li saritlu. 

Abela issa qed jgħid li għall-impjieg fantażma – ikkundannat mill-NAO – Rosianne Cutajar ħalset prezz massimu… b’dan il-prezz massimu jkun biss li għamlet ftit xhur isservi bħala Deputat Indipendenti.

Sal-lum, dawn l-eluf ta’ ewro li ħadet Rosianne Cutajar mill-ITS għadha ma roddithomx lura… u sal-lum għadna ma nafux għal min kienet qed tirreferi meta qalet li kienu qed jitħanżru u li hi kienet se tibda titħanżer bħalhom.

L-unika fatt ċert huwa li Robert Abela, reġa’ għamel u-turn oħra u jrid idaħħal lura lil seħbitu tad-distrett.  Mossa deskritta minn diversi analisti politiċi bħala waħda li toħloq preċedent u tiftaħ il-bibien beraħ għall-eks Membri tal-Partit Laburista – fosthom Konrad Mizzi.