Inqas minn ħames xhur ‘il bogħod mill-elezzjonijiet Ewropej, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola bdiet bi żjarat uffiċjali f’kampanja biex tħeġġeġ lill-Ewropej joħorġu jivvutaw.
L-ewwel żjara kienet fil-Latvja fejn intlaqgħet minn sala mimlija żgħażagħ fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti. F’diskussjoni li kellha maż-żgħażagħ, il-President Metsola qalet li l-2024 se tkun sena deċiżiva għad-demokrazija fl-Ewropa u d-dinja. Saħqet li l-elezzjonijiet Ewropej se jagħtu direzzjoni lill-Ewropa għas-snin li ġejjin billi huma d-deputati eletti li se jfasslu l-liġijiet li jaffetwawna lkoll.
Matul iż-żjara hija kellha laqgħa mal-Prim Ministru Evika Siliņa fejn kellhom diskussjoni dwar it-temi li jinsabu fuq l-agenda tal-kunsill ewropew li jmiss. F’konferenza tal-aħbarijiet, l-MEP Maltija appellat biex kulħadd isemma leħnu.
Matul iż-żjara fil-Latvja, il-President Metsola iltaqgħet ukoll mal-President tal-Latvja Edgars Rinkēvičs, il-Ministru tal-affarijiet Barranin, l-eks Prim Ministru Krišjānis Kariņš u mal-ispeaker tal-Parlament Daiga Mieriņa.
Iż-żjara tal-President Metsola tissokta fil-pajjiż ġar tal-Latvja, il-Litwanja, fejn mistenni jkollha sensiela ta’ laqgħat mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
//= $special ?>