Lokali

Żewġ żgħażagħ barranin ta’ 17-il sena arrestati b’rabta ma’ serqa

Żewġ żgħażagħ ta’ 17-il sena, it-tnejn mill-Isvezja, ġew arrestati mill-Pulizija ftit mumenti wara
li allegatament wettqu serqa minn ħanut tal-ġojjellerija f’Buġibba.

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda fi Triq il-Merluzz, innutaw żewġ persuni li malli raw lill-Pulizija bdew iġibu ruħhom b’mod li qajjem suspett u ħarbu jiġru. Kien għalhekk li ġrew warajhom, u waqt li rnexxielhom jaqbdu wieħed minnhom, l-ieħor ħarab minn fuq il-post.

Fl-istess waqt, l-uffiċjali ġew infurmati li minn ħanut fi Triq Dawret il-Gżejjer kienet għadha kemm seħħet serqa minn żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tal-persuna arrestata u tal-oħra li ħarbet.

Meta ż-żagħżugħ arrestat kien qed jiddaħħal fil-vettura tal-Pulizija, allegatament deher jarmi oġġett, li rrizulta li kienet brazzuletta tad-deheb misruqa mill-ħanut. Waqt li bdiet tfittxija għaż-żagħżugħ l-ieħor, sar magħruf fejn kien qiegħed joqgħod u minnufih il-Pulizija marru filpost.

Hemmhek sabu liż-żagħżugħ u minn tfittxijiet li saru, fil-pussess tiegħu nstabu brazzuletta u arloġġ tad-deheb, li nsterqu wkoll mill-istess ħanut.

Huma mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija
għadhom għaddejjin.