Wara li ftit tal-ġimgħat ilu ġie żvelat li l-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela għandhom 750 mistoqsija parlamentari mhux imwieġba, diversi deputati minflok ħarġu għonqhom għall-kollegi tagħhom spiċċaw jaqblu ma’ dan l-istazzjon, illi din hija sitwazzjoni inkwetanti li trid tiġi indirizzata.
Matul il-jum tat-Tnejn Net News mar quddiem il-Parlament isaqsi lid-Deputati tal-Labour dwar id-domandi Parlamentari mhux imwieġba. Bil-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia spiċċaw jaqblu magħna u jgħidulna li huwa l-obbligu tagħhom li l-mistoqsijiet jiġu mwieġba.
U filwaqt li spikka s-silenzju minn naħa tas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, l-ebda membru tal-Labour ma qal jekk din il-prassi hux qed tirrifletti nuqqas ta’ trasparenza.
L-ammont ta’ mistoqsijiet parlamentari mhux imwieġba ġie żvelat propju wara li saret domanda parlamentari mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Chris Said. L-aktar Ministru li ma weġibx mistoqsijiet huwa l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima b’173 mistoqsija mhux imwieġba u warajh hemm il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo li ma weġibx 77 mistoqsija parlamentari.
Minn naħa l-oħra kienu l-Ministri Julia Farrugia Portelli u Jo Etienne Abela li wieġbu l-aktar domandi parlamentari iżda xorta kellhom 10 mistoqsijiet mhux imwieġba.