Lokali

Il-Kummissarju tal-Istandards ma jridx jinvestiga lill-Ministru Ian Borg

Il-Kummissarju tal-Istandards Joseph Azzopardi mhux se jkun qiegħed jinvestiga lill-Ministru Ian Borg b’rabta mar-racket tal-liċenzji tas-sewqan hekk kif spjega li għadda wisq żmien.

Dan filwaqt li insista li tali investigazzjoni taf tippreġudika l-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti.

Din l-aħbar ħarġet wara li Arnold Cassola ppubblika d-deċiżjoni ta’ Azzopardi wara li Cassola nnifsu talab li ssir l-investigazzjoni.

Dan kollu wara li fl-aħħar xhur Times of Malta żvelaw chats li juru kif Ian Borg, li dak iż-żmien kien Ministru tat-trasport u persuni li kienu jaħdmu qribu, kemm-il darba wettqu pressjoni qawwija fuq uffiċjal ta’ Transport Malta Clint Mansueto bil-għan li jgħin xi persuni li jkunu tilgħin għat-test tas-sewqan.

Filwaqt li Mansueto u tnejn oħra li kienu jaħdmu ma’ Transport Malta, Raul Antonio Pace u Philip Edrick Zammit, jinsabu akkużati li pparteċipaw f’din ir-racket u wettqu atti ta’ korruzzjoni – kienu żvelati konverżazzjonijiet xokkanti minn diversi persuni.

Fid-deċiżjoni tiegħu – il-Kummissarju tal-Istandards sostna li l-ebda Kummissarju m’għandu jinvestiga tali allegazzjonijiet li jinsabu għaddejjin bi proċeduri ġudizzjarji.

Fost diversi chats kien hemm ħafna li spikkaw fost oħrajn konverżazzjoni bejn membru tal-kleru u l-Ministru nnifsu hekk kif il-qassis kellu n-neputi tiela għat-test u dan talab lil Borg sabiex jitlob għalih….b’Borg sussegwentament jinforma lil Mansueto sabiex jieħu ħsiebu.

Minkejja dawn l-allegazzjonijiet – ġimgħa ilu l-Prim Ministru Robert Abela għoġbu jħalli lil Ian Borg fil-Kabinett miegħuu ġie jaqa u jqum mill-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.