Futbol Sport

Imut Tony Formosa, eks kowċ tat-tim nazzjonali Malti

Is-Sibt wara nofsinhar tħabbret il-mewt tal-eks kowċ tat-tim nazzjonali Malti Tony Formosa fl-età ta’ 86 sena.

Tony Formosa twieled ir-Rabat, Għawdex fit-2 ta’ Ġunju 1937.

Studja fil-Liceo u wara fis-St.Michael’s Training College fejn laħaq bħala għalliem. Kiseb diploma fl-Edukazzjoni Fiżika minn Carnagie College ta’ Leeds. Segwa kors fil-coaching fi Newcastle Upon Tyne fejn kiseb il-badge tal-FA Ingliża.

Wara karriera bħala plejer mexxa lil Valletta fis-snin 70 bir-rebħ tal-Kampjonat fl-1974 wara nuqqas ta’ bosta snin. Ma’ Floriana wettaq record ta’ 40 partita bla telfa. Huwa mexxa wkoll għal bosta snin lil Sliema Wanderers.

Eks kowċ tat-tim Nazzjonali Malti fl-1966 u fl-1971-72 fejn kien l-ewwel kowċ fl-ewwel partita ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja kontra Ungerija. Fl-1967 kien l-ewwel kowċ f’partita kompetittiva tat-tim ta’ Taħt it-18-il sena kontra l-Italja.

Membru fundatur tal-Malta Football Coaches Association u President għal bosta snin. Fl-1987 inħatar bħala Kap tal-Isport fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Kultura. Membru fil-Kumitat għall-Iżvilupp tal-isport fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa  u viċi President tal-Federazzjoni Internazzjonali Sport for All.

Huwa kien ukoll eks membru tal-Għaqda Kittieba Sport fejn bħala ġurnalist minn ma’ The Bulletin ingħaqad ma’ In-Nazzjon Tagħna bejn l-1970 u l-1981 fejn kien jiffirma bħala Tony F.Borg

Ritratt: Tonio and Karl Farrugia Football Collection