Il-ġurnata tas-Sibt kienet riservata għal-logħbiet mir-round tal-aħħar 32 tal-Izibet FA Trophy. L-iktar konfront mistenni kien l-uniku wieħed bejn żewġ timijiet tal-Premier fejn Floriana avanzaw b’rebħa ta’ 2-0 fuq Naxxar Lions.
Fil-logħbiet l-oħra ma kienx hemm sorpriżi kbar, fejn Mosta u Marsaxlokk kisbu rebħiet kbar filwaqt li l-holders Birkirkara ftit impressjonaw minkejja li rebħu kontra Attard. Anki Ħamrun Spartans għaddew għal rawnd ieħor grazzi għal rebħa kontra Lija. Xi ftit sorprendenti kienet l-eliminazzjoni tal-leaders tal-kampjonat Challenge Żabbar SP li kieneu eliminati minn Żebbuġ Rangers, filwaqt li Mġarr United mill-Amateur League eliminaw lil Msida SJ li jinsabu f’diffikulta fil-kampjonat Challenge.
Floriana…………………………. 2
Naxxar L. ……………………….0
Dan kien l-iktar konfront mistenni f’dan ir-round u finalment kienu Floriana li rebħu l-konfront b’goal f’kull taqsima.
Floriana kienu ġejjin mit-telfa fil-logħba l-kbira kontra Ħamrun Spartans, filwaqt li Naxxar kienu friski mir-rebħa kontra Valletta.
Floriana fetħu l-iskor fl-24 minuta permezz ta’ Nicolas Garcia u kellhom jistennew sar-raba’ minuta ta’ ħin miżjud biex jagħlqu l-logħba bit-tieni goal skorjat minn Matheus Nogureira.
Referee: Matthew Degabriele
Birkirkara ……………………..3
Attard ……………………………1
Il-holders Birkirkara kellhom jistennew sal-aħħar kwarta biex aċċertaw mill-kwalifikazzjoni f’logħba li fiha ddiżappuntaw fejn ma kienux fl-aqwa tagħhom.
Birkirkara ddiżappuntaw fl-ewwel taqsima bl-ewwel veru ċans ta’ skor jasal fid-39 minuta b’xutt ta’ Maxuell Maia salvat minn Valletta. iKtar kmieni Birkirkara kellhom goal imħassar filwaqt li fl-34 minuta kien hemm tentattitv fjakk minn naħa ta’ Attard bi freekick ċentrali ta’ Florez salvat minn Sylla.
Fit-tieni taqsima l-andament ftit inbidel għalkemm Birkirkara ppruvaw iżidu l-pressjoni tagħhom. Fl-54 minuta konklużjoni ta’ Ciolacu mill-viċin imblukkata minn Valletta. Fil-61 minuta Birkirkara fetħu l-iskor meta minn freekick ta’ Satariano kien hemm id-daqqa ta’ ras ta’ Maia bil-ballun jispiċċa fix-xibka.
Birkirkara bdew jagħfsu għat-tieni goal iżda inkredibilment Attard kisbu l-goal tad-draw fit-68 minuta meta Camilo Del Castillo Escobar b’lob minn nofs ground jaqbad lil Sylla barra minn postu bil-ballun jispiċċa fix-xibka. Ciolacu kellu ċans tajjeb tliet minuti wara iżda spara għoli.
Fit-73 minuta penalty għal Birkirkara għal foul fuq Ciolacu bl-istess player jiskorja mill-11-il metru. Fil-ħin miżjud wasal it-tielet goal ta’ Birkirkara meta Jake Micallef xeħet fix-xibka tiegħu stess f’attentat li jikklerja.
Referee: Slawomir Olucha
Mosta …………………………… 5
Pieta H………………………….. 1
Mosta għaddew għal round ieħor b’rebħa konvinċenti kontra Pieta, li forsi jistgħu iqisu r-riżultat bħala wisq sever fil-konfront tagħhom.
Mosta li kien ilhom l-aħħar ħames logħbiet fil-kampjonat ma jsibux ix-xibka, ilbieraħ kienu f’vena differenti u għamlu herba mill-avversarji.
Il-logħba kienet bilanċjata sal-ewwel taqsima iżda żewġ goals fl-ewwel minuti tat-tieni taqsima ssiġġillaw ir-rebħa kbira għal Mosta.
Bidu tajjeb ta’ Pieta iżda kienu Mosta li fetħu l-iskor fl-ewwel periklu tagħhom meta minn kross ta’ Thomas kien Nnaji li b’daqqa ta’ ras stupenda spara fix-xibka.
Risposta mmedjata ta’ Pieta’ li kisbu d-draw fit-32 minuta meta minn kross-shot ta’ Essaka li kien parzjalment salvat minn Ciappara, l-ballun wasal għand Mochizuki li spara fix-xibka.
Fit-38 minuta Mosta mill-ġdid fil-vantaġġ meta Tenebe spara għal ġewwa mill-viċin wara li Cini kien salva parzjalment.
Fil-bidu tat-tieni taqsima Hovhannisyan qassam lejn Tenebe li minn angolu kważi mpossibbli għeleb mill-ġdid lil Cini.
Fit-53 minuta Nnaji jisraq ballun lil Farrugia u wara li avanza skorja b’xutt fil-baxx.
Il-ħames u forsi l-isbaħ goal wasal fit-68 minuta bi ġmiel ta’ xutt mis-sostitut Jean Paul Farrugia.
Referee: Slobodan Petrovic
Marsxaxlokk ………………….5
Żejtun C. ………………………. 0
Logħba mingħajr storja u kwalifikazzjoni għal Marsaxlokk li umiljaw lill-ġirien u kkonfermaw il-mument maħiku tagħhom.
Yuri Messias u Sunday Akinbule taw vantaġġ doppju lix-Xlukkajri fl-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima tliet goals oħra għat-tim ta’ Winston Muscat permezz ta’ Boakye, Jacob Walker u l-goal finali ta’ Pires Dell’Oca.
Referee: Glen Tonna
Żabbar SP ……………………..1
Żebbuġ R. ……………………..2
Riżultat xi ftit soprendenti fejn il-leaders taċ-Challenge League sofrew telfa mhux mistennija kontra Żebbuġ Rangers.
Duvan Mosquera Torres minn penalty fid-39 minuta fetaħ l-iskor għal Żebbuġ, iżda erba’ minuti wara Żabbar kisbu d-draw b’goal ta’ Brian Ariel Gamberte.
Il-goal rebbieħ ta’ Żebbuġ kien skorjat minn Johann Bezzina fl-94 minuta.
Referee: Joseph Scerri
Ħamrun S ……………………..3
Lija A. …………………………….0
Ħamrun kif kien mistenni ma fallewx kontra Lija biex għaddew mal-aħħar sittax.
Ħamrun kellhom bidu tajjeb fejn fetħu l-iskor wara biss disa’ minuti permezz ta’ Duranovic.
Iċ-champions lokali kellhom jistennew sat-72 minuta biex kabbru l-iskor grazzi għal goal ta’ Kean Scicluna u sitt minuti mit-tmiem Luke Montebello neħħa kull dubju bit-tielet goal.
Referee: Fyodor Zammit

Msida SJ ………………………. 1
Mġarr U ……………………….. 3
Mġarr United mill-Amateur League avanzaw mal-aħħar sittax b’rebħa xejn mistennija kontra Msida SJ.
Vantaġġ doppju sal-mistrieħ bil-goals ta’ Nicholas Schembri u Saint Ebisindor Christian.
Msida daħlu fil-logħba fil-65 minuta b’goal tal-veteran Jean Pierre Mifsud Triganza iżda fid-90 minuta kien Saint Ebisindor Christian li bit-tieni goal tiegħu għalaq il-logħba.
Referee: Vladimir Rizoski
Il-Ħadd:
Balzan v Żurrieq
Nadur Y v Sirens
Hibernians v Qala S
Luqa SA v Swieqi U
Xewkija T v Gudja U
Valletta v Għajnsielem
Sliema W v Marsaskala
It-Tnejn:
Gżira U v Fgura U
//= $special ?>