IŻRAEL…………… 12
MALTA……………. 12
(4-4), (3-1), (2-2), (3-5)
(Malta rebħet 5-4 bl-għoti tal-penalties)
Kollox deher mitluf iżda rimonta kbira fl-aħħar sessjoni wittiet it-triq biex it-tim Malti baqa’ b’ċans li jirbaħ il-logħba. Il-prestazzjoni ma kinitx eċċezzjonali iżda finalment it-tim nazzjonali Malti ħa dak li ried mill-konfront. Din kienet it-tieni rebħa fuq l-Iżrael f’din l-edizzjoni wara r-rebħa ġimgħa ilu.
Malta qatt ma kienet fil-vantaġġ ħlief għal ħames sekondi lejn it-tmiem u fl-aħħar penalty. Diversi żbalji kemm fl-attakk kif ukoll fid-difiża u bla dubju l-akbar nuqqas kien li Malta ma ħaditx vantaġġ minn superjorità numerika għal erba’ minuti.
Il-15-il post fisser li Malta spiċċat fl-istess pożizzjoni li spiċċat fl-edizzjoni tal-2016. Dakinhar ukoll Malta kienet rebħet il-logħba bl-għoti tal-penalties iżda kontra t-Turkija. Il-klassifikazzjoni f’din l-edizzjoni tfisser pass lura mill-14-il post miksub fl-aħħar edizzjoni fi Split.
Għall-partita oħra, Milan Cirovic kellu jgħaddi mingħajr Sam Gialanze u Nicholas Bugelli filwaqt li plejers oħra ma kinux fl-aħjar kundizzjoni fiżika. Il-protagonist tal-logħba kien Jake Muscat li skorja nofs il-gowls tat-tim Malti.
It-tim Malti beda jiġri wara r-riżultat mill-ewwel sessjoni u kien konċentrat biżżejjed biex irkupra minn żvantaġġ fi tliet okkażjonijiet. L-Iżrael kellhom vantaġġ ta’ 1-0, 3-1 u 4-3 iżda f’kull okkażjoni kien Jake Muscat li skorja l-gowls tal-Maltin.
Il-mument importanti seħħ 44 sekonda minn tmiem is-sessjoni meta Tal Fotin tkeċċa għal brutalità wara daqqa f’wiċċ Mark Castillo. Jake Muscat għamilhom 4-4 mill-penalty mmadankollu fl-erba’ minuti b’superjorità numerika bejn l-ewwel u t-tieni sessjoni, it-tim Malti ma ħax vantaġġ.
Dan għaliex tul dan il-perjodu l-plejers Maltin ma sabux ix-xibka konsegwenza tal-għaġġla fl-attakki u saħansitra l-Iżrael marret fil-vantaġġ permezz ta’ Or Schlein. Il-vantaġġ irdoppja b’gowl ta’ Ronen Gros, Jayden Cutajar wieġeb minn man-up iżda Yoav Rendler ħalliehom 7-5 fil-vantaġġ.
F’żewġ okkażjonijiet oħra tul it-tielet sessjoni, it-tim Malti naqqas id-distakk għal gowl b’gowls ta’ Jake Bonavia u kontrattakk ta’ Jake Muscat iżda l-avversarji kienu attenti li wieġbu kważi mill-ewwel biex żammew il-vantaġġ doppju qabel l-aħħar sessjoni.
L-aħħar sessjoni ġabret il-prestazzjoni tat-tim Malti b’rimonta mill-aqwa li iżda ma ġietx konkluża fil-ħin regolamentari. Sa ħames minuti minn tmiem il-logħba, id-distakk kien 11-8 favur l-Iżrael.
B’gowls ta’ Jake Cachia, Jayden Cutajar, Liam Galea u saħansitra Jake Bonavia fl-aħħar tmien sekondi taw vantaġġ lit-tim Malti ta’ 12-11. Madankollu fl-aħħar erba’ sekondi Vlad Begin tefa’ l-logħba fl-għoti tal-penalties.
Hawn iż-żewġ timijiet skorjaw l-ewwel tliet penalties tagħhom, Jake Tanti salva l-penalty ta’ Ronen Gros u Nikolai Zammit poġġa lit-tim Malti minn fuq. Or Schlein skorja iżda Darren Zammit falla l-penalty. Iżda Tanti reġa’ kien attent biex salva l-penalty ta’ Ido Goldschmidt, b’Jake Muscat jiskorja l-penalty deċiżiv.
Iżrael: Y. Fire, O. Schlein (2), R. Gros (2), Y. Klarfeld (1), V. Begin (2), I. Roth, K. Halevy, I. Goldschmidt (3), D. Koter, Y. Rendler (1), E. Ben Gal Chalutz (1), T. Fotin, M. Smirnov
Malta: J. Tanti, G. Farrugia, L. Galea (1), M. Castillo, J. Cachia (1), J. Bonavia (2), J. Muscat (6), J. Cutajar (2), J. Abela, N. Zammit, D. Zammit, M. Azzopardi, B. Busuttil
Referees: Eurico Silva (Portugall), Peter Radic (Slovakkja)
//= $special ?>