Lokali

Raġel residenti Bormla ġie arrestat b’rabta ma’ numru ta’ serqiet

Raġel ta’ 25 sena residenti Bormla ġie arrestat b’rabta ma’ numru ta’ serqiet magħrufin bħala snatch & grab.
Huwa ġie arrestat ftit ħin biss wara li tliet persuni – żewġ nisa ta’ 45 sena u 80 sena, u raġel ta’ 74 sena – għamlu rapport fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid li huma kienu għadhom kemm sfaw vittmi ta’ serqa minn persuna waqt li kienu mexjin fil-Fgura.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-Ħamis, għal xi s-18:00, il-mara ta’ 45 sena kienet għadha kemm ġibdet xi flus minn ATM fi Triq Hompesch, xħin avviċinaha raġel u ħatfilha l-flus minn idejha u ħarab jiġri lejn Triq il-Karmelitani.

Kien hawn li l-istess persuna avviċina r-raġel ta’ 74 sena u ġibidlu l-baskett li kien qed iġorr u wara ħataf mobileminn idejn il-mara ta’ 80 sena u ħarab.

Għal ħabta tat-20:30, il-Pulizija arrestaw raġel, li kien jaqbel id-deskrizzjoni tal-allegat ħalliel, fil-viċinanzi ta’ Triq il-Karmelitani.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-istess raġel, nhar l-Erbgħa, allegtament imbotta raġel ta’ 74 sena waqt li kien miexi fi Triq Mater Boni Consilii, il-Fgura u seraqlu l-kartiera.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwarteri Ġenerali, il-Furjana u mistenni
jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-11:30, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana.