Wara l-attività politika li saret dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat mis-Sinjura AnneMarie Grech għamlu żjara fil-lokalità tal-Mosta fejn hemmhekk kellhom l-opportunità li jiltaqgħu u jitkellmu mal-Mostin.
Kienu bosta dawk li tkellmu ma’ Bernard Grech dwar dak li għaddew minnu fl-aħħar xhur b’rabta mal-proġett tal-Pjazza tal-Mosta… proġett li għadu ma tlesthiex kompletament u li minħabba fih għadhom qed ibatu r-residenti kif ukoll bosta sidien ta’ ħwienet.

Bosta Mostin qalu li l-pjazza qatt ma tista’ tkun kompluta wara l-isfreġju ambjentali li kien seħħ f’Novembru li għadda hekk kif is-siġar tant sinonimi ma’ dan il-pjazza tneżżgħu għal kollox mill-weraq biex issa wieħed jara biss zkuk.
Apparti dan, il-Mostin tkellmu wkoll dwar l-għafsa tal-għoli tal-ħajja li kulma jmur qiegħda dejjem tiżdied, kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ pjanar fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.
Min-naħa tiegħu Bernard Grech assigurahom li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex il-poplu Malti jkun jista’ verament jgħix ħajja li tixraqlu anke fil-lokalità fejn jgħix.

