F’Old Trafford draw ta’ 2-2 bejn Manchester United u Tottenham f’partita missielta bejn iż-żewġ timijiet. Manchester United marru fil-vantaġġ fit-3 minuta tal-partita meta kien l-attakkant Rasmus Hojlund li b’gowl spettakolari għeleb lil Vicario għal 1-0. Tottenham kisbu l-gowl tad-draw fid-19-il minuta meta minn corner ta’ Pedro Perro kien Richarlison li għola fuq kulħadd u xeħet wara Andre Onana għal 1-1.
Ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Manchester United għal darb’oħra fil-vantaġġ meta din id-darba kien Marcus Rashford li daħal tajjeb mix-xellug u xeħet fix-xibka għal 2-1, għall-ewwel gowl tiegħu f’Old Trafford f’seba’ xhur. Mal-ftuħ tat-tieni taqsima Tottenham kisbu l-gowl tad-draw meta l-akkwist il-ġdid Timo Werner daħħal fl-azzjoni lil Rodrigo Bentancur b’dan tal-aħħar jikkonkludi fix-xibka għal 2-2.
Intant, f’partita oħra f’Goodison Park Everton u Aston Villa temmew fi draw ta’ 0-0.
PREMIER LEAGUE
Il-Ġimgħa: Burnley v Luton T. 1-1
Ilbieraħ : Chelsea v Fulham 1-0, Newcastle v Man City 2-3
Illum: Everton v Aston Villa 0-0, Man Utd v Tottenham 2-2