Erba’ turisti minn Franza tressqu l-Qorti l-Ħadd waranofsinhar, akkuati li serqu żewġ vetturi tal-kiri u li kkaġunaw ħsarat fl-istess vetturi li jammontaw għal total ta’ €2,329.37 ewro.
Yacine Leo Nizar Hilal ta’ 20 sena, Said Bouhafa ta’ 20 sena, Sofiane Bouhafa li għandu ta’ 18-il sena u Mouhamed Salim Soumah ta’ 21 sena nstabu ħatja li bejn it-8 u d-9 ta’ Jannar, serqu numru ta’ vetturi mill-parkeġġ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u għamlu ħsara lill-istess vetturi.
Dan filwaqt illi Yacine Leo Nizar Hilal u Sofiane Bouhafa ġew mixlija li minbarra l-akkużi preċedenti għamlu wkoll ħsara u saqu vetturi b’mod traskurat u perikoluż, fejn anke wettqu hit and run fuq żewġ karozzi fil-Gżira u f’San Ġiljan għall-ħabta tat-3am tad-9 ta’ Jannar.
Il-prosekuzzjoni spjegat illi l-Pulizija rċivew telefonata li kienu nsterqu żewġ vetturi tal-kiri minn parkeġġ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Vetturi illi kellhom magħhom tracker li rriżultat li kienu ipparkjati quddiem lukanda fil-Gżira. Kien hawnhekk illi l-pulizija marru fil-lukanda, fejn receptionist spjegat illi l-karozzi kienu ta’ nurmu ta’ turisti Franċiżi.
Il-Pulizija sabu l-erba’ Franċiżi reqdin fil-kmamar rispettivi tagħhom, fejn ġew arrestati.
Fost l-akkużi li ġew miġjuba kontrihom, l-Pulizija ħarġet numru ta’ kontravensjonijiet li kienu jinkludu użu tal-mobile waqt is-sewqan, sewqan eċċessiv u dħul f’ toroq one way.
Said Bouhafa u Mouhamed Salim Soumah, wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, fejn id-difiża u l-proseukuzzjoni qablu illi dawn l-imputati ma kienux dawk li saqu b’mod perikoluż jew li kkaġunaw il-ħsarat fuq vetturi terzi, u huwa għalhekk illi sentenza ta’ priġunerija effettiva ma għandix tingħata. Għaldaqstant, il-Qorti ordnat sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għall-erba’ snin għal dawn iż-żewġ imputati.
Madanakollu, Yacine Leo Nizar Hilal u Sofiane Bouhafa, wieġbu mhux ħatja li kkaġunaw ħsara fuq terzi vetturi u li saqu vettura b’mod traskurat u perikoluż.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, talba li ma ġietx milqugħa mill-prosekuzzjoni fid-dawl tal-fatt li ma għandhomx indirizz fiss minħabba l-fatt illi l-perjodu li kienu se joqgħodu fil-lukanda għalqet fit-13 ta’ Jannar. Dan filwaqt li l-prosekuzzjoni enfasizzat illi f’erbat ijiem dawn iż-żewġt irġiel kienu ta’ periklu għas-soċjetà bis-sewqan traskurat.
Minn naħa tagħha, id-difiża spjegat illi jidher li dawn l-atti ma kienux b’malizja imma iżjed bi skop ta’ avventura.
Intant, il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ma laqgħetx it-talba għal-libertà proviżorja u għaldaqstant Yacine Leo Nizar Hilal u Sofiane Bouhafa inżammu arrestati.
L-Avukat tal-għajnuna legali Gulia Micallef Stafrace dehret għal Mouhamed Salim Soumah filwaqt li l-Avukat Mifsud Cutajar deher għal Yacine Leo Nizar Hilal, Said Bouhafa u Sofiane Bouhafa. L-Avukat Joseph Camilleri deher għall-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>