Quddiem dak kollu li għaddej f’pajjiżna, huwa biss il-Partit Nazzjonalista li verament jaħdem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Kien dan il-messaġġ prinċipali li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu mill-Editur tal-Malta Daily Keane Cutajar fil-lokalità tal-Mosta.
Dwar ir-re-shuffle li wettaq il-Partit Nazzjonalista huwa qal li t-tibdli li sar se jwassal biex l-Oppożizzjonji jkollha Grupp Parlamentari iktar effettiv. Fejn fost l-oħrajn id-Deputat Adrian Delia se jkun jista’ jkompli l-ħidma tiegħu fil-qasam tas-saħħa wara dak li kiseb sa issa għal Malta u Għawdex fil-kawża ki proprju fetaħ il-PN kontra Vitals u Steward biex jintraddu lura l-miljuni ta’ ewro li nsterqu f’dan id-deal li kien ikkundannat mill-Qorti stess. Huwa qal li kuntrarju għall-PN, il-Gvern għamel biex ċaqliqiet żgħar fir-re-shuffle li għamel il-ġimgħa li għaddiet.
Bernard Grech qal li pajjiżna għandu Gvern li m’għandux direzzjoni u pjan… fejn f’għaxar snin fil-Gvern, qerdu pajjiż fosthom fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.
Dwar il-problema tat-traffiku, il-Kap tal-PN qal li huwa importanti li jkun hemm network tat-toroq li tkun waħda effettiva u effiċjenti. Semma kif il-Gvern m’għandu ebda pjan tant li ngħalqu bosta toroq fl-istess żmien b’konsegewnza li l-poplu ta’ kuljum qed jispiċċa jqatta’ ħin twil fit-traffiku. Apparti dan, hemm ukoll il-problema ta’ kwantità kbira ta’ karozzi fit-toroq Maltin. Huwa għalhekk li l-PN għandu numru ta’ proposti anke għal dan is-settur.
Bernard Grech semma wkoll kif numru ta’ kawżi għandhom jinstemgħu fil-lokalità sabiex ma jkunx hemm ammont ta’ nies li bilfors ikollhom jidħlu l-Belt biex tinstema’ l-kawża tagħhom. Apparti dan għandu jkun hemm ukoll iktar prijorità għat-teleworking.
Mistoqsi dwar il-ħatra ta’ President tar-Repubblika, Bernard Grech qal li sa issa ma kellu ebda komunikat min-naħa tal-Prim Ministru biex tkun diskussa din il-materja.

Fakkar kif kien il-PN li ġab lura l-isptarijiet tal-poplu, li rnexxielu jagħmel pressjoni biex issir inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia… fejn il-missjoni tal-PN hija li jkun gvern alternattiv.
Huwa qal li dawk li suppost kellhom jieħdu ħsieb l-interess tal-poplu fis-settur tas-saħħ iktar kellhom f’moħħhom biex jieħdu ħsieb l-interessi personali tagħhom.
Dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-edukazzjoni, fosthom dwar il-ftehim kollettiv, Bernard Grech qal li għandna Gvern li qed jimpika mal-ħaddiema fejn fost l-oħrajn qed ibatu l-istudenti u l-edukaturi stess.
Semma kif dak kollu li qed iseħħ f’pajjiżna qed iwasasl biex iż-żgħażagħ iridu jitilqu u jibnu futur ‘l hinn minn pajjiżna.
Dwar is-saħħa mentali, Bernard Grech qal li bħala pajjiżna għandna nħarsu lejn din il-problema b’mod ħolistiku. Sostna li quddiem din il-problema għandna Gvern li ilu numru ta’ snin iwiegħed sptar mentali ġdid.
Bernard Grech qal li għall-PN, kull bniedem għandu jkollu d-dinjità li tixraqlu. Saħaq li f’pajjiżna għandna noħolqu ekonomija li tagħmlilna l-ġid, fejn filwaqt li l-abbuż qatt m’għandu jkun aċċettat, irridu nindirizzaw ukoll il-problema. Huwa għalhekk li l-PN qed jitkellem dwar mudell ekonomiku ġdid li jattira l-kwalità lejn pajjiżna
Dwar l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, huwa għamel appell lil dawk kollha li verament iridu jaraw differenza f’pajjiżna.