Lokali

“Il-fatt hu, li mhux vera li kien hemm reshuffle”

“Il-fatt hu, li mhux vera li kien hemm reshuffle”. Dan kien il-ħsieb prinċipali li twassal fl-editorjal ta’ The Sunday Times, fejn issemma fost l-oħrajn kif ir-re-shuffle la kienet riorganizzazzjoni, u lanqas eżerċizzju biex isir tibdil biex jisaħħaħ ix-xogħol tal-Gvern, kif kien sostna l-Prim Ministru Robert Abela stess.

L-editur jgħid li dawn r-reshuffles fil-kabinett isiru għal diversi raġunijiet, fosthom biex il-Ministri jkollhom l-istess viżjoni tal-Prim Ministru… iżda fil-każ ta’ Robert Abela, m’hemmx raġuni ċara għal dan seħħ. Forsi ried ineħħi s-saħħa minn dawk li mhumiex jagħmu xogħolhom b’mod effettiv, bħalma għamel ma’ Aaron Farrugia meta neħħih min Ministru tat-Trasport.

Fl-editorjal intqal ukoll li huwa ta’ tħassib li l-Ministru Clint Camilleri, li kien responsabbli għal Għawdex, issa sar responsabbli wkoll għas-settur delikat tal-iżvilupp… kif ukoll tħassib dwar il-fatt li diversi backbenchers ħarġu minn Kastilja mingħajr ma ngħataw xejn ġdid, possibilment wara li rrifjutaw xi offerta.

Dan filwaqt li membri tal-Kabinett li kienu involuti fl-agħar każijiet ta’ korruzzjoni għadhom hemm, fosthom is-Sergretarju Parlamentari Glenn Beddingfield li ssemma kemm-il darba fl-inkjesta pubblika tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-motiv tal-Prim Ministru wara dawn l-għażliet mhux magħruf, iżda jidher li din l-għażla setgħet saret bħala forma ta’ ringrazzjament għal-lealta’ lejh. Qed jidher ċar ukoll li Abela qed jipprova jġib is-sapport assolut tan-nies li kienu qrib ta’ Joseph Muscat.

L-editur ikompli jgħid li issa f’Malta għandna l-ikbar kabinett fl-istorja li qed jiswa lill-poplu Malti u Għawdxi kważi €16-il miljun fis-sena… €800,000 iżjed mis-sena ta’ qabel.

L-editorjal tal-MaltaToday kien iddedikat ukoll għal dak li għaddej bħalissa fi ħdan il-Partit Laburista fejn Abela qed jipprova jġib is-sapport ta’ dawk li kienu u għadhom jappoġjaw lil Joseph Muscat, tant li rrefera għalih bħala ‘ħabib’ sabiex jibni narrattiva ġdida.

Intqal ukoll kif apparti li qed jerġa’ jibni għaqda ma’ eks-Prim Ministru li għandu warajh diversi akkużi ta’ korruzzjoni, Robert Abela jrid ukoll jiftaħ il-bibien sabiex Rosianne Cutajar terġa’ tidħol fil-Partit Laburista għax skont hu ‘hi ħallset il-prezz għal dak li għamlet’, iżda nesa jsemmi x-xogħol fantażma li ngħatat mal-ITS fl-2019.