Rapporti indipendenti jikkonfermaw iswed fuq l-abjad. L-għoli tal-ħajja f’pajjiżna issa laħqet livelli inkontrollabbli. U dan il-piż qed iġorri l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Ċifri ippublikati mill-Eurostat juru kif ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet ogħla minn dik taz-Zona Ewro matul ix-xahar ta’ Diċembru. Fatt illi jikkonferma kemm il-familji Maltin u Għawdxin spiċċaw iġorru piż enormi kaġun taż-żieda fil-prezzijiet ġimgħa wara l-oħra.
Quddiem dan kollu, Net News staqsa lill-Ministri x’soluzzjoni qed joffri l-Gvern Laburista biex itaffi xi ftit mill-piżijiet li l-familji qed iġorru fuq xirja sempliċi ta’ affarijiet bażiċi. Iżda jidher li sa issa għadhom ma sabux is-soluzzjoni – kuntrarju għal gvernijiet Ewropej oħra li ħadu azzjoni mal-ewwel.
Robert Abela kien wiegħed li f’Jannar kellu jagħti soluzzjoni konkreta għall-għoli tal-ħajja. Iżda issa għaddew kważi ħmistax mill-bidu tas-sena l-ġdida, u l-ebda pjan għadu ma ġie ppreżentat sabiex pajjiżna jgħeleb l-isfida enormi l-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet – aħseb u ara kemm daħlu fis-seħħ il-miżuri imwiegħda.
Dan minkejja l-appelli kontinwi tal-Partit Nazzjonalista sabiex b’mod immedjat Abela u sħabu jieqfu jintaxxaw l-għajnuna tal-għoli tal-ħajja bil-għan li jtaffu ftit mill-piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin. U minkejja l-proposta ta’ Bernard Grech li tingħata għajnuna lill-importaturi – kollha ideat li l-Gvern qed jibqa’ ċass quddiemhom, u ma jieħux azzjoni.
//= $special ?>