Lokali

Il-kwistjoni ta’ ‘Rosianne Cutajar’: Robert Abela jkompli jogħtor quddiem Joseph Muscat

Minn issa sal-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej Robert Abela se jimbarka fuq eżerċizzji ta’ rikonċiljazzjoni ma’ terzi – bħal Rosianne Cutajar – bl-iskop li jinqeda bl-influwenzi tagħhom… iżda sadattant ikompli jagħti bis-sieq lil membri tal-Grupp Parlamentari u jibqa’ jinjorahom.

Il-manuvra ta’ Robert Abela li jdaħħal mill-ġdid lil Rosianne Cutajar fil-Grupp Parlamentari Laburista mhi xejn għajr rebħa oħra għall-Eks Mexxej Laburista Joseph Muscat fil-konfront tal-istess Robert Abela.

Hu sigriet magħruf li Rosianne Cutajar ġejja mill-fazzjoni ta’ Joseph Muscat u l-bella kumpanija u t-tluq tagħha mill-Grupp Parlamentari Laburista s-sena l-oħra kompla kabbar l-inkwiet bejn dawk ta’ Joseph Muscat u dawk ta’ Robert Abela.

Fil-fatt kien f’April tas-sena l-oħra – u dan tajjeb li nfakkruh – meta Robert Abela kien għamilha ċara daqs il-kristall li lil Rosianne Cutajar ma kienx se jħalliha terġa’ tikkontesta l-elezzjoni f’isem il-Partit Laburista.

Dakinhar, fi tmiem laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Robert Abela kien stqarr li bid-deċiżjoni li kienet ittieħed, l-istandards ta’ mġiba li huma mistennija fil-ħajja pubblika kienu telgħu livell aktar ’il fuq!

Sussegwentement fl-istess xahar ta’ April tas-sena l-oħra, Rosianne Cutajar kienet irriżenjat mill-Partit Laburista iżda baqgħet fil-Parlament bħala Deputat Indipendenti.

Hi kienet għamlet dan ftit minuti biss qabel kienet ingħatat bidu għal-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista li matulha kienet se tkun diskussa r-riżenja tagħha. Il-laqgħa ssejħet wara li Rosianne Cutajar kienet ingħatat għażla tirriżenjax jew tkunx imkeċċija mill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista!

Issa, aktar kmieni din il-ġimgħa, Robert Abela stqarr mal-ġurnalisti li fil-fehma tiegħu l-Eks Deputat Labrista Rosianne Cutajar kienet ħallset prezz għoli meta kienet mitluba biex tirriżenja mill-Partit Laburista u ta x’wieħed x’jifhem li se jkun qiegħed ibexxaq il-bieb biex Rosianne Cutajar tkun tista’ terġa’ tirritorna fil-Partit.

Dan id-diskors ta’ Robert Abela ma jfisser xejn għajr rebħa oħra għal Joseph Muscat hekk kif il-pressjonijiet tiegħu fuq Robert Abela qegħdin ikomplu jħallu riżultati pożittivi.

Diġà ftit tal-ġimgħat ilu l-Eks President tal-Partit Laburista Manuel Cuschieri kien ħabbar fuq il-midja soċjali li: “Il-Prim Ministru Robert Abela se jagħmel ġustizzja ma’ Rosianne Cutajar dalwaqt… kif jixraq u kif inhu sewwa.”

Issa, meta nhar l-Erbgħa kien qiegħed iwieġeb għal mistoqsijiet mill-ġurnalisti, Robert Abela fil-konfront ta’ Josianne Cutajar qal li Rosianne Cutajar ħallset prezz għoli biżżejjed u issa wasal iż-żmien li hu jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tagħha fi ħdan il-Partit Laburista.

Żied li Rosianne Cutajar kienet ħallset “piena ultra kapitali” għal dak li għamlet u qal li ħadd ma għandu jħallas dan il-prezz.

“Ħadd, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux estremi ma għandu jħallas piena perpetwa,” sostna Robert Abela li żied li “l-pożizzjoni ta’ Rosianne Cutajar għandha tiġi rikunsidrata” u għamel referenza għal dak li sejjaħ bħala “imġiba tajba” ta’ Rosiane Cutajar li wasslitu sabiex jieħu din id-deċiżjoni.”

Rosianne Cutajar kienet spiċċat ikkompromettiet lilha nnifsha f’Novembru tal-2021 meta l-Kumitat tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien approva r-rapport tal-Kummissarju George Hyzler dwar ħlas ta’ senserija ta’ eluf ta’ ewro lil Rosianne Cutajar f’negozju li

kien jinvolvi lil Yorgen Fenech u liema Rosianne Cutajar ma ddikjaratx id-dħul ta’ senserija fid-dikjarazzjoni tal-assi filwaqt li kienet irċeviet rigal ta’ €9,000 mingħand l-istess Yorgen Fenech. Għalhekk id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar kienet instabet ħatja ta’ ksur ta’ etika.

Invista ta’ dak ir-rapport wieħed kien stenna li Rosianne Cutajar minnufih tirriżenja minn Membru Parlamentari u f’każ li ma tagħmilx hekk il-Prim Ministru Robert Abela kellu jara li hi titkeċċa mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista.

Dakinhar Rosianne Cutajar kienet qed tiffaċċja tliet investigazzjonjiiet oħra fil-konfront tagħha:

  1. mit-Tax Compliance Unit tad-Dipartiment t-Taxxi Interni dwar evażjoni ta’ taxxa;
  2. mill-Pulizija ta’ Malta: dan qalitu Rosianne Cutajar stess meta hija infurmat lill-Kummissarju Hyzler li qiegħda tgħaddilu kopji tal-messaġġi skambjati bejnha u l-imprenditur sid ta’ 17 Black hekk kif mogħtija lilha mill-pulizija taħt disclosure;
  3. mill-Committee on Rules of Procedure, Immunities and Institutional Affairs tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu jidher biċ-ċar li Robert Abela jidher li qiegħed jimbarka fuq proġett li permezz tiegħu hu jerġa’ jagħmel ‘paċi’ ma’ dawk kollha li xellifha fix-xhur u s-snin li għaddew… u Rosianne Cutajar hi waħda minnhom.

Naturalment dan kollu hu messa in sciena għaliex dak li jinteressah bħalissa Robert Abela hu biss li jsalva ġildu fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju ġej.