Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta sostniet li l-kontroll u t-tnaqqis tal-inflazzjoni għandhom ikunu l-ogħla prijorità tal-Gvern sabiex jisalvagwardjaw l-kompetittività tal-ekonomija Maltija.
Hekk kif in-negozji qed ikomplu jiġġieldu biex itaffu l-ispejjeż li qed jogħlew filwaqt li jibqgħu kompetittivi, l-Gvern qed jippjana li jintervjeni permezz tal-iffissar tal-prezzijiet tal-ikel bħala mezz biex jittaffa l-effett tal-għoli tal-ħajja.
Il-Malta Chamber qed issostni b’mod sod il-pożizzjoni tagħha kontra dan l-intervent dirett fis-suq, mhux biss bħala kwistjoni ta’ prinċipju iżda wkoll għaliex l-intervent se joħnoq biss il-kompetizzjoni għad-detriment ta’ kulħadd. Interventi bħal dawn jordnaw lill-konsumatur biex ikollom xirja restrittiva ħafna ta’ oġġetti tal-ikel magħżula mill-Gvern.
L-istqarrija tgħid li l-pjan li qed jimxi fuqu l-Gvern huwa wieħed rigressiv, u jfakkar f’għexieren ta’ snin ilu meta l-Gvern ikkontrolla s-suq minflok ippromwova l-kompetizzjoni permezz ta’ monitoraġġ u regolamenti xierqa.
Il-Malta Chamber argumentat li l-iffissar tal-prezzijiet mhuwiex soluzzjoni vijabbli għall-kwistjoni kumplessa tal-għoli tal-ħajja. Mossa bħal din ma tindirizzax il-kawżi fundamentali tal-għoli tal-ħajja.
Kompiet tgħid li hemm affarijiet li l-Gvern seta’ għamel biex itejjeb it-trasparenza għall-konsumatur mingħajr ma jindaħal fl-iffissar tal-prezzijiet. Dwar dan, il-Malta Chamber qed tħeġġeġ lill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, li tieħu ħsieb dawn il-kwistjonijiet, biex taqdi l-irwol tagħha b’mod effettiv u trasparenti.
Il-Malta Chamber esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar il-mod kif il-Gvern innegozja l-iskema, hekk kif l-operaturi tas-suq ġew ikkuntattjati individwalment mill-Gvern… u mħeġġa biex ikunu koformi ma’ dak li qed jgħid il-Gvern.
Il-Kamra tal-Kummerċ sostniet mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha kontra dan l-intervent dirett fis-suq, biex b’hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet l-istess għal kulħadd u ambjent kompetittiv li jiffunzjona bis-sħiħ għall-benefiċċju kemm tal-komunità tan-negozju kif ukoll tal-konsumaturi inġenerali.
Dan għandu jsir b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-komunità kummerċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali.
//= $special ?>