Internazzjonali

It-Tajwan: Iċ-Ċina mistennija tesprimi l-għadab dwar l-għażla tal-President ‘li ma reditx’

L-għażla ta’ William Lai Ching-te bħala l-President ġdid tat-Tajwan urtat mhux ftit lill-Gvern komunista taċ-Ċina — u fil-jiem li ġejjin, mistenni li Beijing iżid il-pressjoni fuq din il-Gżira-Stat li ċ-Ċiniżi jqisuha bħala provinċja ribelluża ta’ pajjiżhom.

Il-Gvern Ċiniż kemm-il darba kien irrefera għal Lai bħala ‘separatista perikoluż li jrid joħloq l-inkwiet fir-reġjun’ u issa wieħed irid jara kemm il-President Tajwaniż kapaċi jżomm sod quddiem l-intimidazzjoni ta’ Beijing. 

Il-President ġdid tat-Tajwan anki se jkollu jirreżisti l-ambizzjonijiet tal-President taċ-Ċina, Xi Jinping, li hu determinat li t-Tajwaniżi jinġiebu taħt il-kontroll ta’ Beijing bħala parti minn proċess ta’ unifikazzjoni. Dan minkejja li t-Tajwan hu pajjiż sovran u indipendenti li jeżerċità d-demokrazija f’kull qasam ta’ tmexxija.

Sadanittant, u minkejja t-theddid kontinwu taċ-Ċina, miljuni ta’ Tajwaniżi għażlu li jisfidaw lil Beijing u jivvutaw mill-ġdid favur il-Partit Demokratiku Progressiv li ilu jmexxi lill-pajjiż għal dawn l-aħħar snin.

L-għażla tagħhom waqgħet fuq Lai bħala l-Viċi-President Tajwaniż li minn tabib għażel il-ħajja ta’ politiku…Mexxej li f’għajnejn it-Tajwaniżi għandu l-kredenzjali kollha biex iżomm ir-relazzjonijiet stabbli maċ-Ċina.

Ir-riżultat tal-elezzjoni anki jfisser tielet terminu ta’ poter bla preċedent għall-Partit Demokratiku Progressiv…Partit  li minn dejjem inkwieta liċ-Ċina bħala l-aktar entità politika li kapaċi twassal għall-indipendenza tat-Tajwan—u liema tragward jibqa’ assolutament inaċċettabbli għal Xi Jinping u l-politburo f’Beijing.