Fabian Eliuth Garzia Parada ta’ 43 sena mwieled il-Kolumbja, residenti Tas-Sliema nżamm arrestat filwaqt li wieġeb mhux ħati li lbieraħ qatel lil Sandra Ramirez, f’appartament fi Triq George Borg f’Tas-Sliema.
Huwa tressaq il-Qorti l-Ħadd waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Elaine Rizzo.
Il-prosekuzzjoni spjegat illi għall-ħabta tas-6:15am tas-Sibt filgħodu, l-imputat daħal l-għassa ta’ Tas-Sliema, b’applikazzjoni ta’ traduzzjoni mill-Ispanjol għal Malti fuq il-mobile personali tiegħu, fejn kien hemm miktub “I murdered my ex partner in an argument inside my home”.
Kien hawnhekk illi l-pulizija arrestaw lill-imputat, fejn l-istess imputat provda ċ-ċwievet tal-appartament li fih sar ir-reat. Meta l-pulizija marru fil-post huma sabu katavru ta’ mara fuq is-sodda li kien jidher li qalgħet diversi daqqiet ta’ arma illi taqta’.
Fil-Qorti d-difiża ma talbitx għal-liberta proviżorja u għalhekk Fabian Eliuth Garzia Parad inżamm arrestat.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kaylie Bonnett u Ramon Bonett Sladden. Għall-imputat deher ir-rappreżentat tal-għajnuna legali l-Avukat Mark Mifsud Cutajar.
//= $special ?>