Internazzjonali

Iżlanda: Tensjoni f’Grindavik wara l-aħħar żbroffi tal-vulkan

L-awtoritajiet fl-Iżlanda qed isegwu l-attività ta’ vulkan wara żbroffi ġodda li jistgħu huma ta’ periklu għall-infrastruttura fil-belt ta’ Grindavik. Madankollu, il-President tal-Iżlanda. Gudni Johannesson qal li l-iżviluppi ma kenux ta’ theddida għall-ħajja.

Il-belt ta’ Grindavik tinsab lejn il-Lbiċ tal-Iżlanda u fl-aħħar sigħat numru ta’ residenti kienu evakwati mill-inħawi bħala prekawzjoni – bl-attività siżmika tiżdied minn siegħa għall-oħra.

Din il-belt, f’Novembru li għadda, għaddiet ukoll minn ansjetà kbira f’ċirkustanzi simili u meta l-iżbroff tal-vulkan (dak iż-żmien) kellu qawwa sinifikanti. Intant, numru ta’ residenti li, f’Novembru, spiċċaw evakwati mill-belt  kienu tħallew jirritornaw lejn djarhom fl-aħħar ġimgħat.

L-Iżlanda għandha ‘il fuq minn 30 sistema vulkanika attivi u fl-aħħar sigħat, il-President Johannesson qal li ma għandu jkun hemm l-ebda intoppi għat-titjiriet fuq il-pajjiż bħalma kien il-każ waqt l-iżbroffi preċedenti.