Internazzjonali

Iżrael-Hamas: Il-gwerra tidħol fil-100 jum tagħha… bil-vittmi qegħdin dejjem jiżdiedu

Illum hu l-100 jum tal-gwerra totali bejn il-qawwiet ta’ Iżrael u l-grupp Ħamas tal-militanti Palestinjani…Gwerra li faqqgħet wara li l-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru, invadew l-artijiet tal-Iżraeljani fejn wettqu l-attakki terroristiċi storiċi li swew il-ħajja ta’ mill-anqas 1,200 persuna, inklużi familji innoċenti.

L-attakki minn Gaza, sadanittant, ilhom meqjusa bħala theddida għall-eżistenza proprja ta’ Iżrael. U fi tmiem il-ġimgħa, l-avvenimenti brutali tas-7 ta’ Ottubru kienu kommemorati minn eluf kbar ta’ Iżraeljani li ħonqu kull rokna tal-belt ta’ Tel Aviv.

Dawn in-nies kienu qed ifakkru wkoll il-130 ostaġġ li nħatfu f’dak il-jum infami u li għadhom qed jinżammu mill-Ħamas. Dan ukoll meta wħud minn dawn l-ostaġġi jistgħu m’għadhomx ħajjin.

Fis-7 ta’Ottubru tal-2023, eluf ta’ terroristi tal-Ħamas invadew l-artijiet ta’ Iżrael minn diversi bnadi u fejn attakkaw l-eqreb komunitajiet, flimkien ma’ bażijiet militari u diversi bliet u villaġġi – bl-Iżraeljani jinqabdu kompletament fuq sieq waħda.

Fis-sigħat ta’ wara spikkaw ir-ritratti u filmati xokkanti ta’ mijiet ta’ żgħażagħ qed jaħarbu għal ħajjithom, wara li ftit qabel kienu qed jattendu l-festival mużikali ta’ Nova fid-deżert ta’ Negev. Dawn iż-żgħażagħ baqgħu segwiti mit-terroristi u bir-riżultat li nqatlu viċin l-400 fis-sit tal-festival – u b’għexieren oħra jispiċċaw ostaġġi.

Fl-aħħar sigħat, kienu intervistati numru sinifikanti ta’ Iżraeljani – inklużi ċittadini – u dawn qablu li l-iżviluppi terribbli tas-7 ta’ Ottubru kienu l-akbar theddida li l-poplu qatt kellu jiffaċċja,

L-Iżraeljani qalu li qatt qabel ma ħassewhom daqshekk vulnerabbli  u l-maġġoranza assoluta  qed jaqblu mal-pożizzjoni tal-Gvern tagħhom li beħsiebu jkompli bil-gwerra f’Gaza  sakemm jelimina l-bejtiet kollha tat-terroristi.

Hu wkoll sinifikanti li ftit ferm fost l-Iżraeljani intervistati sejħu għal tolleranza u koeżistenza – bil-militar ta’ Iżrael għadu għaddej b’kampanja ta’ bumbardamenti bla preċedent fuq Gaza. Dan bħala parti mill-istrateġija għall-qerda totali tal-Ħamas u l-istrutturi ta’ appoġġ għal dan il-grupp.

Ħafna mit-territorji ta’ Gaza – mill-Belt ta’ Gaza  sal-belt ta’ Khan Younis, lejn in-Nofsinar – inqerdu kollha f’dawn ix-xhur konsekuttivi ta’ attakki mill-Iżraeljani li qed jinsistu ‘bl-offensiva finali’ fuq it-terroristi. L-Iżraeljani qed jgħidu wkoll li tal-Ħamas, issa, spiċċaw dgħajfin u vulnerabbli wara daqstant azzjonijiet militari f’arthom u fejn anki tilfu ħafna mill-kapaċitajiet bħala organizzazzjoni armata fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza.

Madankollu, l-ammont ta’ ċivili maqtula waqt l-offensiva fuq Gaza hu enormi – bil-konsegwenzi anki jiġbdu għadab u kundanna għal Iżrael minn diversi bnadi tad-dinja.

Mill-bidu tal-offensiva’il hawn mifhum li nqatlu aktar minn 23,000 f’Gaza, b’ħafna mill-vittmi jkunu nisa u tfal. Dan ukoll meta jaħsbu li hemm eluf oħra mirdumin taħt ir-radam tal-bini li nqerdu mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani.

Fl-istess ħin, l-uffiċjali Palestinjani qed jgħidu li mal-85 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Gaza, illum, huma kostretti li jgħixu l-ħajja ta’ refuġjati . Intant, Martin Griffiths, li qed imexxi l-impenji umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Medda ta’ Gaza fisser is-sitwazzjoni attwali fit-territorju bħala waħda ‘intollerabbli’ għar-residenti.