Robert Abela jibqa’ jinjora l-appelli u jibqa’ jintaxxa l-COLA

Robert Abela, fid-diskors illi għamel dalgħodu f’attività politika fil-Kunsill Lokali tal-Fgura, spjega illi meta jiltaqa’ man-nies fit-toroq, huma jesprimu miegħu t-tħassib tagħhom fuq iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi illi jiġu bżonn.

Kliem il jikkontrasta ma’ dak li kien ħabbar il-Gvern stess f’Ottubru li għadda li kien se jintaxxa ż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja… magħrufa bħala l-COLA.

Robert Abela kompla jgħid kif hu u l-Gvern tiegħu se jibqgħu imexxu b’politika tan-nies, politika illi sa issa tidher li se tkun biss mimlija wegħdiet li ma jitwettqux, primarjament il-wegħda li tittaffa; l-għafsa tal-għoli tal-ħajja. Fejn ġimgħa wara ġimgħa l-Prim Ministru qed jibqa’ jgħid illi fil-ġranet li ġejjin se jkun qiegħed jindirizzaha….wegħda li issa ilha għaddejja għal numru ta’ xhur.

Fid-disjkors tiegħu Abela infexx f’attakk politiku, fejn tenna illi l-Partit Nazzjonalista dejjem qal li quddiem ż-żidiet fil-prezzijiet ma jista jsir xej. Iżda kuntrarju ta’ dak li qed jgħid Abela, xhur ilu l-Partit Nazzjonalista ppreżenta numru ta’ proposti konkreti kontra l-pjaga tal-għoli tal-ħajja, fosthom li l-COLA ma tkunx intaxxata  – proposti illi Robert Abela injora totalment anke minkejja l-appelli li sarulu minn unions u korpi kostitwiti.

Tant hu hekk, illi l-MEA fi stqarrija maħruġa matul il-ġurnata tas-Sibt, tenniet illi ilha tappella lill-Gvern  sabiex il-COLA ma tiġix intaxxata minn qabel il-Budget, appell illi l-Gvern baqa’ jwebbes rasu fuqu u għalhekk qegħda tkompli biss tikber l-pjaga tal-għoli tal-ħajja.

Fl-istess stqarrija, l-MEA spjegat ukoll illi l-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jieħu 40 miljun ewro minn fuq it-taxxa tal-COLA, 40 miljun illi suppost qed jieħduhom il-ħaddiema u l-familji Maltin. Minkejja dan Robert Abela baqa’ jsabbat saqajh, filwaqt illi insista illi hu u sħabu jisimgħu l-karba tal-poplu Malti u Għawdxi….fatt illi tkompli turi kemm dan il-Gvern fl-aħħar mill-aħħar jagħmel dak illi jaqbel lilu.