Lokali

Terġa’ tispikka r-ras iebsa ta’ Robert Abela li jkompli jaqsam lill-Grupp Parlamentari Laburista f’aktar fazzjonijiet

Membri Parlamentari Laburisti kienu – u huma – għalkollox kontra l-ħatra ta’ Joseph Cuschieri fit-tmun ta’ Project Green u qegħdin jiddeskrivu din il-ħatra bħala waħda li turi kemm Robert Abela m’għandu prinċipji ta’ xejn, opportunist u lest jinqeda b’kollox u b’kulħadd biex jipprova jsalva ġildu.

Il-ħatra ta’ Joseph Cuschieri – l-Eks Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u li fl-2020 kien mar Las Vegas fil-kumpanija ta’ numru ta’ nisa u persuni oħrajn, fosthom anki mal-imprenditur Yorgen Fenech – bħala l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni l-ġdid ta’ Project Green qegħda tkompli ġġib aktar qasmiet fil-grupp intier tal-Parlamentari Laburisti.

Għalkemm tali ħatra kienet żvelata mill-midja tal-Partit Nazzjonalista aktar kmieni dan ix-xahar, ta’ Kastilja għamlu minn kollox biex jipprova jżommu moħbija din l-informazzjoni għaliex fehmu li tali ħatra kienet se tqanqal problemi ġodda mhux biss fil-Kabinett tal-Ministri imma anki fil-Grupp Parlamentari Laburista u fit-Tmexxija tal-Partit.

Minkejja pariri li Robert Abela ngħata biex iżomm lil hinn milli jżeffen mill-ġdid lil Joseph Cuschieri f’kariga importanti bħal din – għaliex tali mossa awtomatikament se terġa’ tqanqal l-istejjer li għadda minnhom pajjiżna erba’ snin ilu – l-istess Robert Abela baqa’ jwebbes rasu biex għal darba oħra qiegħed jaħseb li għaddiet tiegħu.

Fl-istess waqt b’din il-mossa dawk ta’ Kastilja qegħdin jemmnu wkoll li l-għażla ta’ Joseph Cuschieri mill-kamp ta’ Joseph Muscat hi intiża biex Robert Abela jipprova jikseb l-appoġġ tal-istess Joseph Muscat għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej. Id-diverġenzi bejn ta’ Robert Abela u dawk ta’ Joseph Muscat huma kbar bl-Eks Mexxej Laburista ma jafdax saħta lill-Mexxej attwali wara li ttradih meta ppermetta li l-Pulizija tintbagħat biex tagħmillu tfittxija estensiva f’daru u fl-uffiċċju tiegħu.

Sorsi infurmati tajjeb fil-Grupp Parlamentari Laburista li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ In-Nazzjon fissrulna li ma hemmx spjega waħda pożittiva favur l-għażla ta’ Joseph Cuschieri biex imexxi Project Green. Lil hinn mill-fatt li b’din l-għażla Robert Abela se jkun qiegħed jibgħat messaġġ għalkollox żbaljat li taħt it-Tmexxija tiegħu tista’ tagħmel li trid għaliex jew ma jittieħdux passi fil-konfront tiegħek, jew inkella taparsi jittieħdu passi – li jkunu biss kosmetiċi kif ġara fil-konfront ta’ Joseph Cuschieri – imbagħad jerġa’ jpoġġik f’kariga influwenti oħra… biex allura l-abbuż ikompli jissokta u l-iffangar ikompli jirranka.

Ta’ min ifakkar li meta l-Gvern ta’ Robert Abela waqqaf Project Green, lill-ewwel Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni Steve Ellul tah pjattaforma ta’ xejn inqas minn €700 miljun x’jonfoq fuq firxa ta’ ħames snin.

Kien proprju bħal dan iż-żmien sena li l-Ministru Miriam Dalli kienet ħabbret it-twaqqif ta’ Project Green u kienet ħabbret li din l-Aġenzija li se tkun responsabbli biex, fis-seba’ snin li ġejjin – li minnhom għaddiet sena – b’allokazzjoni ta’ €700 miljun, ikunu implimentati bosta proġetti ambjentali madwar Malta u Għawdex.

€700 miljun li issa se jkunu qed jingħataw f’idejn Joseph Cuschieri biex jiġġestixxihom hu! Joseph Cuschieri li hu sigriet magħruf kif iġġestixxa l-flus meta kien l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). Kemm safar. Kemm tberbieq. Kemm lukandi. Kemm ikliet! Edwina Licari. Charlene Bianco Farrugia. Heathcliff Farrugia.

Imbagħad il-famuża safra f’Las Vegas flimkien mal-imprenditur Yorgen Fenech li llum hu residenti fil-Ħabs ta’ Kordin b’rabta ma’ delitt li kexkex lil pajjiżna.

Ta’ min ifakkar kif f’Marzu tal-2023 l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji kienet ippubblikat rapport li kien sab li l-istess Joseph Cuschieri kien kiser il-linji gwida etiċi tar-Regolatur Finanzjarju meta vvjaġġa bl-ispejjeż kollha mħallsa lejn Las Vegas mal-akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Dak ir-r-rapport partikolari ta’ tmien paġni oriġinarjament kien tlesta fit-23 ta’ Novembru tal-2020 iżda għal xi mottiv jew ieħor ir-Regolatur Finanzjarju ppubblikah biss f’Marzu tal-2023.

“B’konformità mal-prinċipji ta’ governanza tajba, f’Ottubru tal-2020 il-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA kien ikkummissjona reviżjoni biex twettaq il-verifiki meħtieġa dwar ksur possibbli tal-etika mill-Eks Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni Joseph Cuschieri u l-Avukat Ġenerali Edwina Licari,” kienet fissret l-MFSA.

Joseph Cuschieri kien irriżenja mill-kariga tiegħu mar-Regolatur Finanzjarju f’Novembru tal-2020 wara li kien sospiż minħabba dawn l-iskandli.

Kemm Joseph Cuschieri kif ukoll Edwina Licari kienu nstabu li bbenefikaw minn lussu b’vaganza bl-ispejjeż kollha mħallsa minn Yorgen Fenech f’Las Vegas fl-2018.

Ta’ min ifakkar li Joseph Cuschieri kien intgħażel mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat għall-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tar-Regolatur Finanzjarju filwaqt li Edwina Licari kienet intgħażlet bħala membru tal-Bord tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) minn Joseph Cuschieri.

Filwaqt li kien ċaħad li kellu kunflitt ta’ interess, l-Eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA kien saħaq li m’għadux Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA) li kienet tirregola l-sażinos li fihom Yorgen Fenech kellu interess dirett.

Madankollu l-Bord ta’ Reviżjoni, immexxi mill-Eks Prim Imħallef u mill-Kummissarju tal-Istandards il-ġdid Joseph Azzopardi u l-Avukat Mark Simiana, ma qabilx mal-argumenti ta’ Joseph Cuschieri.

L-MFSA kienet ippubblikat dan ir-rapport wara li kienet ordnata tagħmel dan mill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC) b’rabta ma’ talba għal-Libertà tal-Informazzjoni li tressqet lill-awtorità li kienet talbet kopja tar-rapport tal-Bord ta’ Reviżjoni.

Fi stqarrija dakinhar l-MFSA kienet qalet li mhux se tappella d-deċiżjoni tal-IDPC u ppubblikat verżjoni riveduta tar-rapport skont l-avviż tal-IDPC.

“Il-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA ddiskuta d-deċiżjoni tal-IDPC u ddeċieda li jippubblika r-rapport mingħajr ma jeżerċita ebda dritt ta’ appell,” kienet qalet l-Awtorità.

Fir-rapport tiegħu l-Bord ta’ Reviżjoni dakinhar kien qal li jidher ċar li Joseph Cuschieri kien kiser il-linji gwida tal-MFSA dwar l-ospitalità u l-kodiċi ta’ kondotta tal-Bank Ċentrali Ewropew meta aċċetta ospitalità li kienet kemm għalja kif ukoll esklużiva.

Il-Bord kien żied li l-ħafna interessi ta’ Yorgen Fenech f’kumpaniji, li għalkemm mhux direttament fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, joperaw f’oqsma differenti u wisq probabbli b’mod jew ieħor, l-MFSA kellha taħdem ma’ waħda jew aktar minn dawn il-kumpaniji.

“Persuna bl-intelliġenza ovvja ta’ Joseph Cuschieri kellha tirrealizza dan… Il-Bord għalhekk ma jaqbilx ma’ Joseph Cuschieri li ma kien hemm ebda kunflitt ta’ interess possibbli biex jakkumpanja lil Yorgen Fenech u jagħtih pariri,” kien saħaq dan ir-rapport.

U quddiem dan ix-xenarju kollu issa jiġu Robert Abela u jagħżel lill-istess Joseph Cuschieri għal irwol tant importanti bħal dan! Mhux ta’ b’xejn li kollegi diretti tiegħu fil-Kabinett tal-Ministri u tal-Grupp Paramentari Laburista jissoktaw jieħu lil Robert Abela biċ-ċajt… għaliex fil-veru sens tal-kelma ma jispira l-ebda fiduċja.

Mhux ta’ b’xejn li meta aktar kmieni din il-ġimgħa kien iffaċċjat mill-ġurnalisti dwar din il-ħatra, għal darba oħra Robert Abela mhux biss deher skomdu fil-veru sens tal-kelma… iżda għal darba oħra deher falz u minkejja l-isforzi kollha li għamel biex jiġġustifika din l-għażla… kompla joħroġ fażul u tellief quddiem il-qawwa ta’ Joseph Muscat.